Xufiera fit-trasport pubbliku li jaħdmu fuq bażi ta’ ħamest ijiem, qed jitħallsu siegħa b’siegħa għas-sigħat żejda li jagħmlu
Il-Baġit li ppreżenta l-Gvern għas-sena d-dieħla jħalli lill-poplu fl-għama fis-settur tat-trasport u l-infrastruttura, u b’mod partikolari biex jindirizza l-problemi li ħoloq hu stess fil-qasam tas-servizz tat-trasport pubbliku li llum il-Gvern għadu jmexxi.
Dan iddikjarah il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar it-Trasport u l-Infrastruttura, Toni Bezzina, meta fil-Parlament ilbieraħ fisser li issa se jkun il-poplu li se jkun qed iħallas għall-iżbalji tal-Gvern.
Meta kien qed jitkellem fid-diskussjoni tal-Baġit dwar is-setturi tat-trasport u l-infrastruttura, id-Deputat Nazzjonalista qal li dan hu baġit bla sens ta’ ġustizzja soċjali, b’nuqqas kbir ta’ onestà politika, u bla direzzjoni ta’ fejn irid jasal il-Gvern li qed juri li m’għandux soluzzjonijiet.
Dwar il-qasam marittimu, tkellem dwar il-miżura tajba li ħa dan il-Gvern fit-twaqqif ta’ unit speċjalizzata fl-infurzar fil-merkanzija impurtata fil-pajjiż li se tkun qed isservi ta’ pjattaforma biex kull engiozjant jaħdem fuq level playing field wieħed.
Irrifera għall-qasam tat-tfittix taż-żejt, u qal li l-Gvern lanqas ma semma’ xejn fil-Baġit, minkejja li s-sena li għaddiet kien tħabbar li kellha titwaqqaf Korporazzjoni dwar it-Tħaffir għaż-Żejt u l-Gass. Fakkar li l-Partit Laburista kien qal li jaf fejn Gvern Laburista għandu jħaffer għaż-żejt, u tant kien ċert li jsib iż-żejt li l-Minsitru Joe Mizzi kien iddikjara li kien lest jirriżenja jekk dan ma jitwettaqx.
Dwar it-trasport pubbliku, semma kif ir-riforma li kien beda Gvern Nazzjonalista kienet qed iġġib magħha dixxiplina u serjetà, b’riforma li kellha t-tajjeb u l-ħażin. Iżda għall-Partit Laburista, qal Toni Bezzina, din ir-riforma għamilha ballun politiku, tant li terz tax-xufiera fl-ewwel ġigmħa tar-riforma kienu strajkjaw.
Fisser kif fl-aħħar 20 xahar għad m’hemmx soluzzjonijiet u l-problemi kibru bil-Gvern jitlef il-kontroll tas-sitwazzjoni bir-trasport pubbliku fl-agħar sitwazzjoni li qatt kien, b’minibuses flok karozzi tal-linja b’ħafna diffikultajiet ukoll għall-anzjani li jiħtieġu low floor buses u mhux mini buses.
Dwar it-tneħħija tal-bendy buses, Toni Bezzina qal li l-Ministru Mizzi kien ftaħar li issa ssolvew il-problemi tat-traffiku, għajta li malajar taret mar-riħ meta wieħed jara s-sitwazzjoni tat-traffiku llum f’pajjiżna. Irrimarka wkoll li ma kien hemm ebda progress minn dan il-Gvern dwar is-sigurtà tal-passiġġiera, bir-rapport dwar inkjesti b’rabta mal-inċidenti tal-karozzi tal-linji għadu mistur sal-lum.
Dwar il-ħaddiema li jaħdmu f’dan is-settur, qal li l-Oppożizzjon hi nkwetata dwar il-futur tagħhom waqt li rrimarka li hemm ftit li ddaħħlu fl-aħħar xhur li qed jagħmlu isem ħażin lis-servizz. Irrimarka wkoll li x-xufiera li jaħdmu fuq bażi ta ħamest ijiem, għas-sigħat żejda li jagħmlu, qed jitħallsu siegħa b’siegħa.
Toni Bezzina semma kif ħaddiema tal-Malta Public Transport Services li jiġu mressqa quddiem il-bord tad-dixxiplina, ma jiġux avżati biex jitilgħu jiddefendu rwieħhom. Ikkritika kif il-kumpanja qed tagħmila ta’ mħallef, prosekutur u difensur f’daqqa billi tiddeċiedi l-eżitu ta’ smiegħ flimkien mal-GWU, irrispettivament jekk ħaddiem ikunx f’union oħra jew ma jkunx imsieħeb f’union.
Toni Bezzina saħaq li l-Prim Ministru Muscat u l-Ministru Joe Mizzi huma politikament responsabbli, għax issa hu l-Gvern li qed imexxi s-servizz meta qabel kienu jfissru s-servizz bħala diżastruż u llum qiegħed f’diżastru agħar. Il-Gvern kellu jagħti eżempju hu lill-operatur il-ġdid li se jidħol imexxi dan is-servizz, wara li keċċa lill-Arriva, u din hi wegħda oħra miksura tal-Partit Laburista fil-Gvern.
Dan hu Gvern li jagħmel dak li jiġih f’rasu u dak li jrid hu, qal Toni Bezzina, bħalma għamel meta mar Spanja biex jivverifika l-kumpanija li kienet qed turi interess f’Malta biex tmexxi s-servizz tat-trasport pubbliku, u dan meta ma kienx għadu ntagħżel il-bidder.
Ikkritika li bil-miżuri li daħħal il-Gvern f’aktar taxxi fuq il-liċenzji tal-karozzi u l-insurances, flimkien mal-prezz tal-petrol u d-diesel li l-konsumatur qed iħallas ħafna katar għax ma roħsux il-prezzijiet kif raħas il-prezz internazzjonali, iż-żidiet fl-ispejjeż se jitilgħu fis-sena għal €830 jew €16 fil-ġimgħa.
//= $special ?>