Studju minn kumpanija ta’ ekonomisti jwassal għall-konklużjoni li jekk terz tal-popolazzjoni li taħdem taħli medja ta’ siegħa biss fil-ġimgħa fit-traffiku, ikun ifisser li dan id-dewmien jiswa lill-poplu bejn €45 miljun u €50 miljun fis-sena.
Id-Deputat Nazzjonalista Kristy Debono, għamlet din l-analiżi fil-Parlament meta tkellmet fid-dikussjoni dwar il-baġit għall-Ministeru tat-Trasport u l-Infrastruttura.
Fissret kif il-problema tat-traffiku qed taffettwa l-flus fi bwiet tan-nies. Elenkat u fissret kemm tiswa siegħa xogħol medja f’termini finanzjarji f’pajjizna, u dan skont rapport li tħejja minn kumpanija ta’ ekonomisti, eCubed Consultants, li jistabbilixxi li siegħa xogħol tiswa’ medja ta’ €15.07, waqt li siegħa ta’ leisure, jew divertiment, tiswa medja ta’ €4.61.
Semmiet ukoll li jekk nikkalkulaw li terz ta’ dawk li jaħdmu bi qliegħ f’pajjiżna, madwar 57,000; jaħlu medja ta’ siegħa fil-ġimgħa fit-traffiku, iwassal għal konkluzjoni li dan id-dewmien qed jiswa lil poplu Malti bejn €45 u €50 miljun fis-sena.
Jekk tinkludi magħhom il-popolazzjoni tal-istudenti, li bejn Università, Junior College u MCAST biss tilħaq l-20,000 – tieħu terz minnha, jiġifieri madwar 7,000 li jaħlu medja ta’ siegħa fil-ġimgħa dewmien fit-traffiku, għal 39 ġimgħa tul sena skolatika, b’kalkolu medju tal-istess studju jwassal għal spiża għall-istudenti ta’ €1.26 miljun.
Dan ifisser li studenti fis-sena skolastika biss, u ħaddiema li jaħdmu bi qliegħ, l-ispiża fis-sena titla’ għal €46 miljun. Kristy Debono fissret li din hi stima konservattiva ħafna, għaliex qed nikkalkulaw li żewġ terzi tal-popolazzjoni li taħdem ma ssib traffiku qatt.
Fissret li f’dawn il-kalkoli m’hemmx inklużi s-sigħat ta’ xogħol li jagħmlu l-istudenti fis-sajf jew f’ħinijiet oħra matul il-ġimgħa, l-anzjani u n-nisa li jaħdmu d-dar, u dawk kollha li ma jaħdmux li jaħlu wkoll ħin prezzjuż li jiswa l-flus, u hu għalhekk li l-ħela ta’ €50 miljun f’sena f’ħin ta’ xogħol minnħabba l-konġestjoni tat-traffiku, hu kalkolu konservattiv u realistiku.
Semmiet ukoll l-impatt tal-konġestjoni tat-traffiku f’pajjiżna fuq l-investituri lokali u barranin li jżuru pajjiżna għal diskussjonijiet marbuta mal-investiment tagħhom, jew inkella saħansitra marbuta ma’ investiment potenzjali li huma jkunu qed jikkunsidraw li jagħmlu f’pajjiżna, bl-agħar xenarju jkun meta l-investitur jaqta’ qalbu u jagħżel li jikkunsidra post ieħor.
Tkellmet ukoll dwar l-impatt tat-trasport fuq it-turiżmu, li turist medju wkoll jikkunsidra l-problema tat-traffiku f’pajjiżna u l-livell tat-trasport pubbliku fl-għażla tal-postijiet li jżur biex jonfoq għad-divertiment u r-rikreazzjoni.
Tkellmet ukoll dwar is-sussidju li se nkunu qed inħallsu għas-servizz tat-trasport pubbliku, li din is-sena se jiswa €30 miljun, u kif is-sena d-dieħla se jibda jitħallas sussidju ta’ €23 miljun, u ma nafux eżattament kemm se jkun jiswa fis-snin ta’ wara. Dan ifisser, qalet Kristy Debono, li ras għal ras il-170,000 persuna li jaħdmu f’pajjiżna, din is-sena se jkunu qed iħallsu għat-trasport pubbliku €176 u l-istess ammont is-sena d-dieħla.
Dan ifisser li fuq sentejn min jaħdem u jħallas it-taxxa se jkun ħallas €350 għal sistema ta’ trasport pubbliku li din is-sena żgur ma qditniex tajjeb. Dan minnbarra n-nolijiet li ħallsu dawk li jużaw is-sistema tat-trasport pubbliku.
Kristy Debono qalet li fl-isfond ta’ dawn il-miljuni kollha li qed nonfqu fis-sistema ta’ trasport li fl-aħħar xhur kienet ferm ‘il bogħod milli tkun effiċjenti, staqsiet jekk nistgħux nikkunsidraw biex jingħataw direttament lin-nies tokens ta’ biljetti tat-trasport pubbliku b’xejn biex ninċentivaw lin-nies jużaw aktar it-trasport pubbliku, tonqos il-konġestjoni tat-traffiku waqt li fl-istess ħin inkunu qed ninvestu f’kultura ġdida u pożittiva biex aktar nies jużaw it-trasport pubbliku u jużaw anqas il-karozza privata tagħhom.
//= $special ?>

