Lokali Parlament

Il-Gvern għadu bla pjani fl-użu tal-fondi Ewropej

Il-baġit juri li l-Gvern għad m’għandux pjani dwar in-nefqa tal-Gvern minn fondi Ewropej hekk kif l-Oppożizzjoni se tibqa’ tagħmel pressoni fuq il-Gvern biex jagħmel l-aħjar użu mill-fondi Ewropej li fil-baġit jissemmew darba biss.

Id-Deputat Nazzjonalista Antoine Borg, Kelliem għall-Presidenza tal-UE u għall-Fondi Ewropej, qal meta tkellem fil-Parlament dwar il-baġit b’rabta mal-fondi Ewropej, li sena minn meta beda l-programm ta’ finanzjament tal-Unjoni Ewropea ta’ seba’ snin, pajjiżna għadu ma nefaq xejn. Dan jikkuntrasta ma’ dak li seħħ fil-programm finanzjarju għal Malta ta’ bejn l-2004 u l-2006; u għall-perjodu 2007 – 2013.

Għall-propaganda ta’ dan il-Gvern li fl-aħħar sena kien hu li salva l-fondi tal-Unjoni Ewropea, Antoine Borg fisser li l-Gvern m’għamel xejn speċjali fl-aħħar sena, u qal li matulha kienu qed jiġu finalizzati ħafna programmi li kienu nbdew fis-snin ta’ qabel u kienu waslu fi stadju ta’ ċertifikazzjoni biex isiru l-ħlasijiet.

Antoine Borg qal li n-nuqqas ta’ pjani hu rifless ukoll fil-kuntest ta’ wegħdi oħra mhux imwettqa, bħalma hi dik tal-power station li kellha titlesta sa Marzu li ġej u lanqas nafu meta se tibda; u l-bini tal-Parlament il-ġdid li l-Gvern iddikjara li l-ewwel seduta kellha ssir fit-13 ta’ Ottubru u sal-um għadna ma nafux meta se jitlesta. Ikkritika din il-politika tal-Gvern li tela’ b’ħafna slogans, u qal li llum il-Gvern qed iwieġeb għall-kompromessi li għamel qabel l-elezzjoni.

Ikkritka wkoll id-deċiżjoni tal-Gvern li għall-ewwel darba jintaxxa l-produzzjoni tal-inbid, u għall-miżura li introduċa fuq setturi tas-soċjetà, bħalma huma nisa tad-dar li jagħmlu xi ftit xogħol fil-ġimgħa u jdaħħlu ftit flus extra għal ftit xogħol li jagħmlu.

Semma wkoll il-prezzijiet għolja li żamm fil-prodotti taż-żejt u l-fuel filwaqt li dam sentejn biex jiddeċiedi x’se jagħmel bil-€1.128 biljun mill-fondi Ewropej li akkwista u ftiehem mal-UE Gvern Nazzjonalista.

Irrimarka wkoll li l-Gvern irid jiddevja mill-problemi reali li qed iħabbat wiċċu l-Gvern, fost l-oħrajn bl-isparatura li fiha kien involut ix-xufier ta’ Ministru; il-każ tal-Ministru Helelna Dalli dwar xogħlijiet illegali fi proprjetà, u allegazzjonijiet ta’ kunflitti ta’ interess f’każijiet li hu involut fihom il-Ministru Chris Cardona.

L-akbar inkwiet għall-Oppożizzjoni, qal Antoine Borg, hu l-ħolqien tax-xogħol, u appella għall-aħjar użu tal-fondi Ewropej biex ikollna opportunitajiet ġodda għal aktar xogħol. Fisser li l-investiment fl-edukazzjoni u fit-taħriġ; l-inċentivi għas-settur privat u l-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni, huma ċ-ċavetta għall-ħolqin tax-xogħol fis-snin li ġejjin, u għall-kompetittività ta’ pajjiżna li ġġib l-investiment, ix-xogħol u l-flus f’idejn il-poplu.

L-appell tal-Oppożizzjoni jibqa’ biex pajjiżna jibda jgawdi kemm jista’ jkun malajr mill-fondi Ewropej li minnhom jistgħu jibbenefikaw l-organizzazzjonijiet, għaqdiet u s-settur privat. Appella biex ikun hemm aktar faċilità fl-applikazzjonijiet ta’ dawn il-fondi, u biex il-Gvern jorganizza ruħu u jkun effettiv għall-aħjar użu tal-fondi tal-UE, u li tintuża l-esperjenza tal-aħħar 10 snin.

Dwar il-presidenza tal-UE, Antoine Borg semma l-każ tad-Deputat Mexxej Laburista għall-Affarijiet tal-Partit, li f’laqgġat fiċ-Ċina kien ikkwotat li ddiskuta l-presidenza ta’ Malta. Irrimarka li Toni Abela hu konsulent tal-Kabinett u għaldaqstant saħaq li jekk mar jiddiskuti fil-livell ta’ pajjiż, il-poplu għandu jkun infurmat.

L-Oppożizzjoni dejjem assigurat li pajjiżna jkollu suċċess fl-UE, iżda fisser li l-każ ta’ Toni Abela ma jawgurax tajjeb f’dan ir-rigward. Appella għal rieda qawwija biex nagħmlu suċċess mill-presidenza u mis-sħubija fl-UE.

L-Oppożizzjoni se tkompli ssegwi l-fondi Ewropej, anke jekk qegħdin sena tard, u dan biex il-fondi jissarrfu f’ġid għall-pajjiżna, għall-ġid tan-nies tan-negozju u tal-ħaddiema.