Għawdex

Il-Kunsill taż-Żgħażagħ Għawdxin jniedi iLead – L-Akkademja għal Mexxejja Kreattivi

L-għan ewlieni tal-Kunsill taż-Żgħażagħ Għawdxin huwa li jipprovdi forum nazzjonali għaż-żgħażagħ u għall-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ biex ikunu jistgħu jiżviluppaw, jippromwovu, u joħolqu policies u inizjattivi ġodda fil-qasam taż-żgħażagħ.

Marc Schembri, waqt it-tnedija ta’ iLead, qal li minħabba li Għawdex ilu ħafna jbati min-nuqqas ta’ xogħol, ħafna żgħażagħ Għawdxin qed imorru Malta biex jaħdmu hemmhekk. Dan il-proġett twieled biex jipprova jegħleb il-problema tal-brain drain li hija waħda mill-problemi ewlenin ta’ din il-gżira.

Ryan Mercieca qal li n-nuqqas ta’ opportunitajiet ta’ xogħol ħoloq apatija u telqa fost il-ġenerazzjoni żagħżugħa. Permezz ta’ dan il-proġett, il-parteċipanti se jitħarrġu biex isiru mexxejja. B’hekk ikunu kapaċi jinnegozjaw u jiddiskutu policies favur iż-żgħażagħ u jkabbru networks ta’ kuntatti u ko-operazzjoni bejniethom u ma’ entitajiet oħra.

Fit-18-il xahar li ġejjin l-akkademja se tospita sessjonijiet ta’ taħriġ, workshops u konferenzi ma’ esperti lokali u internazzjonali.

Il-Kunsill jemmen li Għawdex għandu bżonn viżjoni u pjan li jmur lil’hinn mill-politika partiġjana. Jemmen ukoll li l-parteċipanti żgħażagħ fl-akkademja għandu jkollhom dan l-irwol. Jemmen ukoll li ladarba ż-żgħażagħ jibdew isibu x-xogħol Għawdex, din il-gżira sabiħa tibda tieħu r-ruħ.