Aġġornament: Fil-protest, l-MPA qed titlob li jiġi rrevokat il-performance agreement fi ħdan il-Korp tal-Pulizija għax dan se jservi biex “jimmina l-indipendenza u l-integrità” tal-Korp. Ingħad li dan il-ftehim imur kontra l-membri tal-Pulizija u hu l-ewwel wieħed fl-istorja tal-Korp.
Il-ftehim jagħmel ħsara, sostna l-protest tal-MPA, u dan it-tibdil fil-kundizzjonijiet tax-xogħol jikser l-Att tal-Pulizija li jirregola l-kundizzjonijiet, id-drittijiet u l-ħatriet tal-Pulizija. L-Assoċjazzjoni rrimarkat ukoll li l-attentati li saru biex tinstab soluzzjoni ħalli tiġi evitata l-konfrontazzjoni ma tawx il-ftott għax il-Gvern kien u baqa’ jinsisti milli jirtira l-ftehim.
L-MPA wissiet lill-Gvern li jekk ma jirtirax dan il-ftehim se żżommu responsabbli għal kull konsegwenza. Il-protest sar kontra s-Segretarju Prinċipali Permanenti tal-Gvern Mario Cutajar u s-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Intern Kevin Mahoney.
Aktar kmieni …
Wara li l-Gvern injora għal kollox l-ittra tal-Assocjazzjoni tal-Pulizija ta’ Malta (MPA) biex jirrikunsidra il-ftehim li gie ffirmat, u li se jattakka l-awtonomija tal-Korp, l-istess Assoċjazzjoni dalgħodu fetħet proċeduri legali billi resqet protest ġudizzjarju quddiem il-Qorti kontra l-Gvern.
Il-kwistjoni ddur ma’ deċiżjoni interna u bla konsultazzjoni meħuda mill-Gvern fl-aħħar ġimgħat li permezz tagħha l-ogħla karigi fil-Korp tal-Pulizija minn issa ‘l quddiem se jitpoġġew għad-diskrezzjoni tal-Ministru li jkunu hu direttament li jieħu d-deċiżjoni jekk għandhomx jiġu mġedda jew le.
Din id-deċiżjoni mill-ewwel ġabet reazzjoni fil-Korp mhux biss għaliex ittieħdet bla konsultazzjoni u l-Assoċjazzjoni ma kienet taf b’xejn dwar dak li kien qed jinħema, iżda wkoll għaliex qed titfisser bħala theddida serja għall-awtonomija tal-Korp tal-Pulizija.
Iktar kmieni dan ix-xahar, il-Malta Police Association bagħtet ittra lill-Prim Ministru Joseph Muscat u lill-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Manwel Mallia sabiex dawn id-direttivi ġodda jkunu irtirati.
Wara li saru taħditiet mal-Gvern li ma wasslu mkien, l-MPA tat ġimgħatejn ċans biex tingħata risposta u jkomplu t-taħdidiet. Il-ġimgħatejn għaddew u l-Gvern injora din l-ittra. Fid-dawl ta’ dan, nhar il-Ġimgħa li għadda saret laqgħa tal-Assoċjazzjoni li fiha ħadu sehem l-uffiċjali għolja tal-Korp, li lkoll qablu li jibdew proċeduri legali. Azzjoni li qed tiġi deskritta bħala waħda bla preċedent.
F’kummenti ma’ ‘In-Nazzjon’, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Jason Azzopardi qal li l-każ riċenti tal-isparatura fil-Gżira li fih hu nvolut ix-xufier tal-Ministru li hu responsabbli mill-Pulizija juri biċ-ċar kemm hu importanti li l-Korp ikun awtonomu fil-qadi ta’ dmirijietu u huwa eżempju mill-aktar ċar tas-sitwazzjoni diffiċli li jkollu jaħdem fiha l-Korp meta pulizija iridu jinvestigaw membru tal-istaff tal-Ministru li minnu jiddependi l-avvanz tal-karriera tagħhom.
Il-Protest Ġudizzjarju tressaq quddiem il-Qorti dalgħodu mill-Avukat tal-MPA Robert Abela.
//= $special ?>