Lokali Parlament

Il-Ministru Mallia għandu ħafna xi jwieġeb dwar l-isparatura tax-xufier tiegħu

L-imġiba tal-Ministru qed tirrendi f’Ministeru li ma jserraħx moħħ il-poplu

Id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi qal li ma jemminx li l-Ministru ma kienx infurmat bil-kontenut tal-istqarrija li ħarġet sagħtejn wara, iżda sostna li jekk dan hu minnu, il-Ministru wera irresponsabbiltà kbira.

Jason Azzopardi, il-Kelliem għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, għamel diversi mistoqsijiet fil-Parlament dwar dak li sar wara li l-Ministru Mallia ġie mgħarraf bil-każ tal-isparatura tax-xufier tiegħu fil-Gżira.

Il-Ministru Mallia għandu ħafna risposti x’jagħti, dwar x’għamel, dwar ma’ min tkellem, u dwar passi li ttieħdu fost l-oħrajn. Il-Ministru jaf li x-xena tar-reat ma kellhiex tintmess qabel il-wasla tal-Maġistrat Inkwirenti. Hu talab li jkunu ppubblikati d-dettalji dwar it-telefonati li saru dwar il-każ għaliex bis-sehem tal-uffiċċju tal-Prim Ministru, kienet imwellda gidba biex taħbi l-verità.

Meta tkellem dwar id-dibattitu dwar il-baġit għall-Minsiteru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Jason Azzopardi qal li dan il-Ministeru jittratta suġġett serju iżda l-imġiba tal-Ministru qed tirrendi dan il-Ministeru wieħed li ma jserraħx moħħ il-poplu. Il-gideb li qed jingħad qed iwassal biex ikun ivvintat aktar gideb f’każi anke bil-kollaborazzjoni tad-Dipartiment tal-Informazzjoni.

Jason Azzopardi rrefera wkoll għad-dikjarazzjoni li għamel l-eks-Imħallef Giovanni Bonello fi stqarrija ppubblikata f’gazzetta lokali, meta sostna li jeżistu sintomi allarmanti ta’ politiċizzazzjoni esaġerata fl-Armata u fil-Korp tal-Pulizija.

Fisser kif bl-iskuża ta’ esiġenzi tas-servizz, saru u qed isiru transfers b’riħa qawwija ta’ vendikazzjoni jew biex jaġevolaw lil tal-qalba. Kien hemm promozzjonijiet aċċellerati biex jinqdew persuni magħżula. Illum m’għadhomx isiru promozzjonijiet bl-istess regolarità li kienu jsiru qabel. Appella biex ikun hemm kriterji ċari dwar il-promozzjonijiet li għandhom isiru.

Semma kif ingħataw promozzjonijiet saħansitra lil membri li kienu nstabu ħatja li abbużaw mis-sick leave. Filwaqt li qed jitwettqu dawn in-nuqqasijiet kollha, il-Ministru tal-Intern għadu f’battalja mal-Ombudsman fit-talba ta’ dan l-aħħar għall-informazzjoni biex ikun jista’ jinvestiga lmenti li jsiru quddiemu.

Semma każ ta’ logutenent kurunell, li minkejja li segwa l-proċeduri u ressaq il-każ quddiem il-Brigadier u quddiem il-President tar-Repubblika, dan għadu bla deċiżjoni. Saħansitra l-President tar-Repubblika qed tirrifjuta li tittratta l-każ għaliex temmen li dan hu każ li għandu jkun trattat mill-Ombudsman.

Spjega kif illum l-Armata qed tintuża bħala estensjoni tad-doveri tal-Pulizija. Dan wassal biex minħabba nuqqas ta’ inkompetenza ħarbu żewġ vapuri li kien hemm kontrihom mandat għal impediment ta’ safar. Semma diversi favuri oħra li ngħataw persuni meqjusa bħala “tal-qalba” fosthom xi ħadd li nqabad jisraq injam u tħalla jirritorna l-injam lura mingħajr ma jittieħdu passi oħra, kif ukoll sahra esaġerata għal xufier.

Abbużi oħra huma dawk marbutin maċ-cittadinanza, fosthom pressjoni mill-Ambaxxatur ta’ Malta fiċ-Ċina biex jinħarġu aktar visas.
Jason Azzopardi qal li bejgħ taċ-ċittadinanza jista’ jsir biss jekk ikun hemm permess għal residenza. Id-Deputat Nazzjonalista għamel diversi mistoqsijiet dwar metodi kif wieħed jitlob permess ta’ residenza b’abbuż dwar informazzjoni mitluba mingħajr verifika serja dwar dik l-informazzjoni.

Jason Azzopardi qal li resident fis-Swieqi rċieva ittra fuq l-indirizz tiegħu, indirizzata lil persuna barranija li ġie indikat lilha biex tmur tiġbor iċ-ċertifikat ta’ residenza permanenti. Dawn mhux każi iżolati iżda każi li seħħew diversi drabi. Dan hu abbuż li jista’ jkun fih element qawwi ta’ korruzzjoni.

Dwar il-Pulizija, Jason Azzopardi qal li lejlet l-elezzjoni, il-Partit Laburista wiegħed li kien se jħallashom dak dovut lilhom f’sahra li għamlu. Illum għadu jgħid li qed jistudja x’jissarraf dan il-ħlas.

Semma kif il-Korp tal-Pulizija qed jitħalla nieqes minn ħafna affarijiet, bir-raġuni li tingħata hi dik minħabba nuqqas ta’ fondi.

Jason Azzopardi qal li minkejja l-wegħdiet li għamel, il-Ministru Mallia għadu ma ppubblikax żewġ rapporti ta’ inkjesti rigward l-arrest żbaljat ta’ Daryll Luke Borg u ta’ passi li ma ttiħdux kontra raġel li attakka Pulizija f’Għassa.

Għall-ewwel darba fl-istorja, l-Assoċjazzjoni tal-Pulizija kienet kostretta tibda proċeduri kontra l-Gvern wara li impona kundizzjonijiet rigward l-ogħla uffiċjali tal-Pulizija. L-Assoċjazzjoni għamlitha ċara li dawn il-kundizzjonijiet qed ineħħu għal kollox l-indipendenza li għandu jkollhom persuni f’dawn il-karigi.