Traskuraġni mit-tmexxija tal-kumpanija Wasteserv wasslet biex il-vetturi tal-kumpanija ma setgħux jintużaw u għalhekk inħliet ġurnata xogħol mill-Impjant ta’ Sant’Antnin.
Sorsi li tkellmu ma’ maltarightnow.com qalu li fil-jiem li għaddew il-Management tal-Wasteserv nesiet iġġedded il-liċenzji tat-trakkijiet u vetturi oħrajn li l-kumpanija tuża’ fil-ħidma tagħha u hekk kif dawn il-liċenzji skadew il-Ħadd, l-aħħar ta’ Novembru, fil-bidu tax-xahar il-ġdid, it-Tnejn dawn il-vetturi ma setgħux jintużaw.
Il-persuni li tkellmu magħna qalu li minħabba din it-traskuraġni, il-vetturi lanqas setgħu jintużaw internament fl-Impjant għax b’hekk, il-vetturi ma jkollhomx l-assikurazzjoni meħtieġa għall-impjegati. Bl-istess mod, il-materjal maħdum ma setax jintbagħat lejn il-Miżbla tal-Magħtab għax naturalment il-vetturi ma setgħux jintużaw fit-triq.
Dan kollu wassal biex il-ħaddiema tal-Wasteserv spiċċaw jiċċassaw, bil-makkinarju kellu jinżamm mitfi minħabba li ma setax jittieħed materjal lejh. Il-persuni li tkellmu magħna qalu li normalment l-Impjant jibda l-ħidma tiegħu minn kmieni ħafna, saħansitra ftit wara s-6.30am.
Qalulna wkoll li fis-snin kollha kemm ilha teżisti l-Wasteserv, qatt ma esperjenzaw traskuraġni bħal din, li wasslet biex jinħela daqstant ħin prezzjuż mill-ħidma fl-Impjant ta’ Sant’Antnin.
//= $special ?>

