Ewropa Internazzjonali

L-ITALJA: Twissija ta’ aktar maltemp

Mill-Arkivji

Iċ-ċirkolazzjoni ta’ pressjoni baxxa fuq il-Baħar Atlantiku riesqa lejn l-Italja, tant li l-maltemp mistenni jaħkem prattikament mal-pajjiż kollu.
Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili diġà avża dwar il-kundizzjonijiet ħżiena ta’ temp li mistennija jippredominaw fil-Liguria, Piemonte, Sardegna, Lazio, Veneto u fi Friuli Venezia Giulia.
Il-bassara tat-temp qed ibassru xita qalila, b’ħafna sajjetti u ragħad, kif ukoll ħafna riħ qawwi kemm f’Sqallija kif ukoll fir-reġjuni tal-Lombardia, Toscana, Umbria kif ukoll f’Abruzzo u Molise. Saħansitra anki fil-Campania u f’Puglia.
Qed ikun imbassar riħ qawwi b’forza ta’ riefnu, kumplimentat b’xita qalila. Dan il-maltemp mistenni jkun konċentrat fit-Toscana, Lazio, Campania, Sardegna, Sqallija u anki fil-Puglia. Barra minn hekk, riħ qawwi mill-Grigal se jkun qed jolqot ir-reġjun ta’ Friuli Venezia Giulia.
Sadattant, l-agħar għargħar f’dawn l-aħħar snin fin-Nofsinhar ta’ Franza ħasad il-ħajja ta’ ħames persuni, filwaqt li wassal lil aktar minn 3,000 persuna biex jevakwaw minn djarhom.