Lokali Parlament

L-Oppożizzjoni taħdem biex Malta żżomm it-track record tajjeb dwar il-fondi Ewropej

L-Oppożizzjoni se tkun qed tagħti s-sehem tagħha biex pajjiżna jżomm it-track record tajjeb fl-applikazzjonijiet ta’ fondi Ewropej u biex pajjiżna jkompli jgawdi minn dawn il-fondi.

Id-Deputat Nazzjonalista Marthese Portelli, Kelliema għall-Affarijiet Ewropej, appellat lill-Gvern biex matul is-sena li ġejja jpatti għan-nuqqasijiet li rajna din is-sena fil-programmi ta’ għajnuna għall-fondi Ewropej.

Meta tkellmet fid-diskussjoni dwar il-baġit u l-Ministeru responsabbli mill-Fondi Ewropew u t-Twettiq tal-Manifest Elettorali, Marthese Portelli fakkret li fl-ewwel perjodu tal-programm ta’ fondi Ewropej allokati lil Malta, bejn l-2004 u l-2006, u t-tieni programm ta’ fondi bejn l-2007 ul-2013, Malta rnexielha tuża 91% tal-fondi.

Irrimarkat li filwaqt li l-Gvern baqa’ jkaxkar saqajh sal-aħħar u kien minn tal-aħħar li ppreżenta l-Programmi Operattivi għall-Fondi Ewropej, fissret li l-Oppożizzjoni wkoll ipparteċipat bi sħiħ f’dan l-eżerċizzju b’70 proposta li jindirizzaw diversi setturi fosthom ir-riċerka u l-innovazzjoni, is-settur tal-ICT, l-ambjent rurali u urban, inċentivi għas-settur tan-negozju, il-promozzjoni tal-kultura u proposti oħrajn għall-qasam tal-edukazzjoni u dak tas-saħħa.

Fil-kuntest tat-twissija li l-UE tat lill-Gvern dwar ir-riskji finanzjarji, id-dejn tal-pajjiż u tal-istimi tal-gvern li fissret bħala ottimisti f’baġit li hu off track, Marthese Portelli qalet li l-Gvern irid jaħdem biex isem Malta jissemma fl-aħbarijiet pożittivi u mhux f’dawl ikreh bħalma kienet it-twissija tal-UE lil Malta. Fakkret fil-kliem eżatt tal-Kummissjoni Ewropea li Malta qegħda f’riskju u staqsiet x’se jkun qed jagħmel il-Gvern biex il-Baġit ma jkunx off track.

Fissret li filwaqt li l-Ewropa qed toħroġ mill-kriżi ekonomika li bdiet fl-2008, wissiet li pajjiżna ntlaqat minn dejn taħt dan il-Gvern li żdied b’€500 miljun. Semmiet in-nefqa fl-impjiegi ta’ €100 miljun kawża tal-ħafna impjiegi li saru mas-settur pubbliku.

Filwaqt li appellat lill-Gvern għal politika li toħloq il-kunfidenza tal-konsumatur, il-kredibbiltà u l-fiduċja, Marthese Portelli semmiet li l-istatistika tal-Eurostat turi li fl-ewwel sitt xhur tas-sena mqabbla mal-istess perjodu s-sena li għaddiet, l-esportazzjoni f’Malta niżlet b’27% u l-importazzjoni naqset b’5% – żbilanċ ta’ €1.7 biljun.

Fil-qasam tal-produzzjoni industrijali, il-Eurostat turi wkoll li bejn Settembru tal-2013 u l-2014, fl-UE kien hemm tkabbir filwaqt li f’Malta irreġistrajna l-ogħla tnaqqis ta’ 7.4% – agħar mill-Greċja.

Dwar l-importanza tal-kunfidenza tal-konsumatur,semmiet li b’58ċ żieda mhux se naraw kunfidenza mill-konsumatur. Dwar il-kredibbiltà, staqsiet minn fejn se tiġi din meta nafu li dan il-Gvern ma żammx mal-wegħda tal-proġett tal-power station; il-qasam tal-meritokrazija sfaxxa fix-xejn; u l-cover-ups ta’ dan il-Gvern lil membri tal-Kabinett tiegħu mhux jibagħtu messaġġ pożittiv dwar pajjiżna.

Dwar is-setttur tat-turżmu, Marthese Portelli appellat għal koperazzjoni bejn il-Ministeri li jista’ jkollhom impatt fuq dan is-settur. Filwaqt li rrikonoxxiet li dan hu settur li baqa’ jirreġistra tkabbir, irrimarkat għat-telf reġistrat mis-suq Ġermaniż u dak Spanjol, b’dan tal-aħħar jitlef 30%. Irrimarkat li l-fondi Ewropej għenu mhux ftit is-settur tat-turiżmu, b’mod partikolari bi proġetti u skemi li gawda minnhom dan is-settur.

Irriferiet ukoll għall-programm Ewropew għal dawk bi problemi ta’ faqar u ilmentat li mill-għajnuna li rċeviet Malta f’Marzu, ta’ €3.5 miljun, sal-lum dawk fil-bżonn għadhom qed jistennew din l-għajnuna u staqsiet lill-Gvern jgħid meta se tibda titqassam din l-għajnuna.

Dwar il-presidenza u l-fondi Ewropej, Marthese Portelli qalet li numru ta’ Ambaxxaturi Maltin għadhom ma jafux x’inhu mistenni minnhom, u staqsiet x’tip ta’ taħriġ se jingħataw il-ħaddiema fl-Ambaxxati.

Dwar l-implimentazzjoni tal-programm elettorali, Marthese Portelli qalet li s-slogan ta’ Malta Tagħna Lkoll kienet gidba u baqgħet gidba. Staqsiet jekk illum hawnx it-trasparenza, l-imparzjalità u l-akkontabbiltà mwiegħda mill-Gvern Laburista.

Appellat iżda, li l-politika Ewropea hi tagħna lkoll u mhux tal-politiċi, u ssuġġeriet li flimkien, Gvern u Oppożizzjoni nżommu kuntatt mal-MEPs biex niddiskutu l-impatt ta’ setturi li huma importanti għal pajjiżna.