Qorti

Miċħud il-Mandat ta’ Inibizzjoni tad-Dragonara

Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili, ippreseduta mill-Imħallef Joseph Micallef, ma laqgħetx il-ħruġ ta’ Mandat ta’ Inibizzjoni mill-kumpanija Dragonara Gaming Limited wara li kien intlaqa’ b’mod proviżorju biex jinstemgħu xhieda relevanti dwar il-każ. Għalhekk, il-Qorti issa ma waqqfitx lill-Gvern milli jikkonkludi l-ftehim dwar casino ġdid mal-Eden Leisure Group.

Fil-31 ta’ Ottubru li għadda, Dragonara fetħet il-każ fil-Qorti kontra l-Ministeru għall-Ekonomija, l-Investiment u l-Intrapriżi Żgħar, kontra ċ-Chairman tal-Privitisation Unit Emanuel Camilleri u kontra l-Avukat Ġenerali. Skont il-Qorti, il-Ministeru u l-Avukat Ġenerali rrimarkaw biss li kulma kien sar hu li ntgħażel wieħed minn dawk interessati biex jiftħu casino ħalli jibdew in-negozjati miegħu u għalhekk l-għażla kienet għadha ma saritx.

L-argument prinċipali kien jgħid li jekk in-negozjati mal-Eden ma jħallux riżultat, id-Dragonara tkun tista’ tidħol hi fin-negozjati u semmew kif il-Privatisation Unit kienet staqsiet lid-Dragonara jekk kinitx imħajjra tidħol f’negozjati mal-Gvern dwar konċessjoni oħra.

Fil-Qorti ngħad li l-kumpanija Dragonara qalet lill-Privatisation Unit li l-offerta finanzjarja tagħha kienet tisboq dik tal-Eden bi tliet darbiet u għalhekk talbet assikurazzjonijiet li l-proċess imniedi jitmexxa fuq kriterji ċari, stabbiliti u trasparenti. Min-naħa tiegħu, l-Imħallef Micallef fakkar kif il-kumitat tekniku kien iltaqa’ ma’ problemi fil-ħidma tiegħu u wara li, fuq talba tal-Ministru Chris Cardona ġie sospiż għall-bidu ta’ April li għadda, f’nofs Ġunju ġie xolt.

Fil-konklużjonijiet tiegħu, l-Imħallef Micallef qal li d-Dragonara għandha raġun tippretendi li l-proċess tal-għażla jsir b’imparzjalità u b’ħarsien tal-kundizzjonijiet stabbiliti minn qabel ma nbeda l-proċess. Fl-istess waqt, qal li ma jirriżultax l-element għall-ħtieġa ta’ dan il-mandat għax dan ikun meħtieġ jekk il-ħsara li allegatament qed tilmenta dwaru d-Dragonara ma tkunx tista’ tissewwa mod ieħor.

L-Imħallef Micallef semma li l-qagħda attwali tal-konċessjoni għadha ma waslitx fi stadju li ma tistax titreġġa’ lura u jekk joħroġ tabilħaqq li n-nuqqasijiet li d-Dragonara qed tilmenta minnhom fil-proċess tal-għażla tassew tebbgħu dak il-proċess, ir-rimedju li jista’ jingħata hu t-tħassir ta’ kulma jkun sar.

Hekk kif l-Imħallef iddeċieda li m’hemmx raġunijiet validi biex jilqa’ t-talba tad-Dragonara għall-Mandat ta’ Inibizzjoni, il-kumpanija Dragonara mistennija tara x’passi oħra tista’ tieħu.