Lokali

Naħdmu lejn il-mira biex f’pajjiżna ma jiġi nfettat ħadd aktar bl-HIV

L-għan ewlieni tal-imsieħba kollha fis-settur tas-saħħa għandu jkun li fis-snin li ġejjin f’pajjiżna ma jkun hawn l-ebda persuna oħra li tiġi infettata bil-marda tal-HIV. Dan jista’ jintlaħaq jekk f’pajjiżna nibnu qafas wieħed li jġib flimkien l-edukazzjoni, l-ħidma fil-kamp tal-prevenzjoni, u l-kura u l-għajnuna lil dawk li huma infettati.

Illum huwa l-Jum Dinji tal-AIDS, li din is-sena qed jiffoka l-aktar fuq il-prevenzjoni u t-trattament tal-HIV.

Il-Partit Nazzjonalista jħoss li l-arma ewlenija ta’ kif tista’ tiġi eradikata din il-marda hija l-edukazzjoni. Huwa ppruvat li fil-pajjiżi żviluppati, l-biċċa l-kbira tal-infezzjonijiet jistgħu jiġu evitati kompletament. L-edukazzjoni hija l-bażi li fuqha tinbena l-ħidma kruċjali tal-prevenzjoni li permezz tagħha nistgħu niprovdu l-għodda kollha neċessarji biex il-poplu Malti u Għawdxi jkollu l-għarfien kollu neċessarju dwar din il-marda.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen ukoll li l-prevenjoni trid tiġi kkumplimentata minn servizz tas-saħħa li jiprovdi servizzi ta’ screening effettivi, biex b’hekk ma jitħalla lok għall-ebda riskju li jista’ jinħoloq minħabba d-dewmien. Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista jħoss li l-Gvern għandu jagħti l-importanza neċessarja lis-servizzi ta’ screening u jiprova jestendihom fil-livell primarju u fil-komunità biex b’hekk ikunu aktar aċċessibbli għal kulħadd filwaqt li jkun jista’ jitnaqqas il-piż minn fuq il-GU Clinic ċentrali.

Fl-istess ħin irridu nsostnu l-kura lil dawk il-pazjenti li sfortunatament diġà qed ibatu minn din il-marda biex huma jkunu jistgħu jgħixu ħajja normali u jiġi evitat kull riskju ta’ infezzjonijiet ulterjuri. It-trattament kliniku u l-kura fis-sens l-aktar wiesgħa lil dawn il-pazjenti jagħmlu differenza kbira lill-pazjenti nfushom u lill-qraba tagħhom.