Lokali Parlament

Nofs miljun ewro fis-sena għall-GWU f’kiri ta’ bini lil Transport Malta

Transport Malta kriet uffiċċji fil-Marsa f’bini tal-General Workers’ Union (GWU) li għalih se jitħallsu nofs miljun ewro fis-sena.
Id-Deputat Nazzjonalista Ċensu Galea fil-Parlament staqsa jekk din kinitx l-aħjar offerta, u jekk dan il-bini hux l-aħjar biex jingħata s-servizz minn Transport Malta.

Ċensu Galea kien qed jitkellem dwar il-baġit għas-sena d-dieħla tal-Ministeru għat-Trasport u Infrastruttura u qal li s-setturi tat-trasport u l-isfrastruttura huma oqsma importanti li magħhom imissu ħafna setturi oħra tas-soċjetà.

Dwar l-infrastruttura ta’ pajjiżna, Ċensu Galea qal li l-aktar proġett li waqa’ lura hu t-tfassil ta’ infrastruttura ġdida għaż-żmien li ġej. Gvern li sentejn fil-Gvern, għadu jimplimenta biss dak li kien hemm imfassal mill-amministrazzjoni li għaddiet, u mhu jsemmi xejn fuq proġetti ġodda jew pjani ġodda għal dan is-settur.

Irrifera wkoll għax-xogħlijiet fi Triq il-Kosta li qal li huma fost il-proġetti kbar li għaddejjin bħalissa li fuqu qed jaħdmu l-kuntratturi kollha ta’ pajjiżna. Staqsa x’se jiġri meta jitlestew dawn ix-xogħlijiet. Dwar dawn ix-xogħlijiet, Ċensu Galea esprima l-inkwiet tiegħu dwar it-tunnellati kbar ta’ ħamrija li qed jintradmu permezz ta’ dan il-proġett. Semma wkoll kif dan il-proġett qed joħloq problemi kbar għar-residenti tas-Salina, li qed isostnu li ma kienx hemm konsultazzjoni magħhom.

Dwar is-sitwazzjoni preżenti tat-trasport pubbliku, Ċensu Galea qal li wara sentejn ta’ dan il-Gvern u quddiem il-wegħdi kollha li għamel qabel l-elezzjoni, il-Gvern għadu ma wasal imkien. Appella lill-Gvern biex ma tkomplix issir ħsara lis-servizz tat-trasport pubbliku u lil madwar 90,000 li jagħmlu użu mit-trasport pubbliku kuljum.

Ċensu Galea qal li ma rridux ngħixu illużjonijiet, kif ipprova jagħmel dan il-Gvern, u semma kif lanqas ma rnexxielu l-Gvern jagħmel l-iskeda għas-sajf li tilħaq il-bżonnijiet ta’ min juża dan it-trasport. Bħala eżempju semma s-sigħat twal ta’ stennija fil-Qawra u fl-Għadira fix-xhur tas-sajf, filwaqt li rrimarka li anke fix-xhur tax-xitwa hemm problemi kbar ta’ stennija. Appella lill-Gvern jikkonsulta b’mod wiesgħa mal-Kunsilli Lokali u jisma’ l-proposti tagħhom.

Id-Deputat Nazzjonalista appella għal aktar kordinazzjoni fil-mod kif isir l-immaniġġjar ta’ traffiku waqt li jkunu għaddejjin xogħlijiet fit-toroq, u fisser li l-konfużjoni fit-traffiku li qed nesperjenzaw illum hu riżultat ta’ immaniġġjar ta’ traffiku ħażin. Ikkritika l-introduzzjoni ta’ bus lanes ta’ ftit metri li qed joħolqu diffikultajiet kbar.

Semma wkoll in-nuqqas ta’ viżjoni għal parkeġġi – li qed tikber kuljum b’mod partikolari f’zoni speċifiċi bħalma huma San Pawl il-Baħar, Marsacala u San Ġiljan, liema zoni jridu jkunu indirizzati b’mod differenti. Ikkritika wkoll lil dan il-Gvern li qed jagħżel li jindirizza policy komuni dwar il-parkeġġi.

Dwar il-cameras li jirregolaw il-veloċità fis-sewqan, Ċensu Galea talab biex tkun ikkomunikata l-policy li qed tiġi mplimentat dwar dan.

Dwar it-toroq li jagħtu minn San Pawl il-Baħar għaċ-Ċirkewwa, Ċensu Galea qal li din hi sitwazzjoni fejn it-traffiku kollu lejn Għawdex jiddependi kollox mit-triq tal-Mistra, u staqsa x’inhi l-istrateġija f’dan ir-rigward meta l-Gvern qed jgħid li m’għandu xejn ippjanat għal din il-problema tat-traffiku. Irrimarka wkoll li t-telgħa tax-Xemxija hi l-aktar triq frekwentata, u għandha bżonn wiċċ ġdid tat-triq.

Tkellem ukoll dwar il-Park tas-Salina u qal li jirriżulta li l-Gvern se jlesti dawn ix-xogħlijiet mhux sal-aħħar ta’ din is-sena, iżda f’Ġunju tas-sena d-dieħla.

Dwar il-kordinazzjoni bejn l-entitajiet biex jiġi assigurat li xogħlijiet fit-toroq isiru mingħajr diffikultajiet, staqsa jekk il-Kumitat tal-Kordinazzjoni hux qed jaħdem, u rrimarka li jekk qed jaħdem għandu diffikultajiet kbar anke fuq proġetti ta’ toroq żgħar. Dan ukoll għaliex il-Partit Laburista kien wiegħed ħafna, bħalma hu l-każ fi Triq is-Simar f’San Pawl il-Baħar. Appella lill-Gvern iwettaq dak li wiegħed ma’ dawn ir-residenti u jwettaq l-investiment meħtieġ.