Internazzjonali

Palestinjana tindarab b’tiri ta’ arma tan-nar wara li tat daqqiet ta’ sikkina lil raġel

Mara Palestinjana ndarbet b’tiri ta’ arma tan-nar wara li tat daqqiet b’sikkina lil raġel Iżraeljan fin-Nofsinhar tax-Xatt tal-Punent.

Ir-raġel Iżraeljan ġarrab biss feriti ħfief fl-attakk, li seħħ f’salib it-toroq qrib il-binja Gush Etzion fin-Nofsinhar ta’ Betlem.

Għall-ewwel il-pulizija qalet li suldat Iżraeljan kien attakkat.

Il-militar qal li l-Palestinjana “twaqqfet” minn forzi tas-sigurta’ u twasslet għall-kura fl-isptar. Kelliema għall-isptar qalet li l-mara Palestinjana ġarrbet ġrieħi gravi.

It-tensjonijiet bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani żdiedu fl-aħħar xhur wara numru ta’ attakki fatali f’Ġerusalemm, u l-attakk fatali permezz ta’ sikkina fuq suldat Iżraeljan f’Tel Aviv.

Forzi tas-sigurta’ Iżraeljani qatlu lill-aggressuri ta’ ħafna mill-attakki.