Il-komunità tas-Salina għadha rrabjata għall-fatt li l-Gvern u Transport Malta se jibqgħu għaddejjin bil-pjan li jagħlqilhom l-uniku aċċess sigur li għandhom għal-lokalità tagħhom. Minflok dan, biex jidħlu fiż-żona, se jingħataw aċċess ieħor minn wara. Dan l-aċċess mhuwiex sigur u se joħloq inkonvenjenti kbar għar-residenti.
Għalaqstant, l-Erbgħa li għadda r-residenti ltaqgħu mal-Ministru tat-Trasport Joe Mizzi, f’laqgħa li matulha pproponew żewġ alternattivi biex l-uniku aċċess sigur ma jingħalaqx. Madankollu, residenti li tkellmu ma’ MaltaRightNow.com qalu li dawn il-proposti lanqas biss ġew ikkunsidrati.
Waħda mill-proposti tgħid li minflok ma d-daħliet li hemm għas-Salina jingħalqu ghal kollox, jidjiequ b’tali mod li xorta waħda jibqgħu aċċessibli għall-vetturi. B’hekk, il-proġett ta’ Triq il-Kosta jibqa’ kif ippjanat minn Transport Malta, bid-differenza li jiġi eliminat ukoll l-inkonvenejt għar-residenti. L-aktar li qed jurta lir-residenti hu li oriġinarjament l-aċċess il-ġdid kellu jsir b’mod aktar aċċessibbli, iżda jidher li l-Gvern bidel il-pjani biex l-uniku aċċess offrut hu minn triq li ma tiflaħx żewġ karrozzi.
Ir-residenti qed jargumentaw li bil-proposti tagħhom, ix-xogħol se jiehu anqas żmien biex isir, jiġu ffrankati miljuni ta’ ewro u r-residenti jkollhom aċċess għar-residenzi tagħhom mingħajr ma jkun hemm ir-riskju li bil-proġett attwali jintilfu fondi tal-Unjoni Ewropea, li jlaħħqu €53 miljun.
Biex forsi leħinhom jingħata widen, dalgħodu r-residenti għamlu talba lill-Prim Ministru Joseph Muscat biex iżur iż-żona u jifhem dak li qed jipproponu. Madankollu, s’issa baqgħu mingħajr tweġiba għal din it-talba wkoll.
//= $special ?>
