Futbol Sport

Ronaldo, Messi u Neuer finalisti

Cristiano Ronaldo, Lionel Messi u Manuel Neuer huma t-tliet finalisti għall-unur tal-Ballon d’Or tal-FIFA għal din is-sena.
It-tliet finalisti ntagħżlu minn lista ta’ 23 plejer u r-rebbieħ se jitħabbar fit-12 ta’ Jannar.
Il-Ġermaniża Nadine Kessler, il-Brażiljana Marta u l-Amerikana Abby Wambach huma t-tliet finalisti fil-kategorja tan-nisa.
Ronaldo ta’ Real Madrid rebaħ il-Ballon d’Or fl-2013.
Intant il-kowċ ta’ Real Madrid Carlo Ancelotti, il-kowċ nazzjonali tal-Ġermanja Joachim Loew u dak ta’ Atletico Madrid Diego Simeone huma t-tliet finalisti għall-unur tal-aħjar kowċ tas-sena.
Il-Portugiż Ronaldo li għandu 29 sena skorja 51 gowl fl-istaġun 2013-14 u għen lil Real jirbħu ċ-Champions League. L-istaġun li għadda għeleb l-isfida ta’ Franck Ribery ta’ Bayern Munich u Lionel Messi ta’ Barcelona.
L-Arġentin Messi rebaħ dan l-unur erba’ darbiet fl-2009, l-2010, l-2011 u l-2012. Ix-xahar l-ieħor kiser ir-rekord tal-aqwa skorer fl-istorja ta’ La Liga u għandu wkoll ir-rekord tal-aqwa skorer fiċ-Champions League.
Intant Neuer li għandu 28 sena hu l-ewwel gowlkiper li wasal mal-aħħar tlieta sa minn żmien il-kompatrijott Oliver Kahn fl-2002. Huwa għen lill-Ġermanja jirbħu t-Tazza tad-Dinja fil-Brażil wara li rebaħ il-Kampjonat ma’ Bayern.
Ralf Kellermann ta’ Wolfsburg, il-kowċ nazzjonali Ġermaniż U/19 u U/20 Maren Meinert u l-kowċ tal-Ġappun Norio Sasaki huma t-tliet finalisti għall-kowċ tas-sena tan-nisa.