Forzi tas-sigurtà Lebaniżi arrestaw lill-mara u wieħed mill-ulied subien ta’ Abu Bakr al-Baghdadi, il-mexxej tal-ISIS, qrib il-fruntiera mas-Sirja.
Il-mara u t-tifel, li isimhom ma ngħatawx, inqabdu mill-armata wara li daħlu fil-Libanu għaxart ijiem ilu.
Il-gazzetta al-Safir irrappurtat li l-mara ta’ Baghdadi kienet interrogata fil-ministeru għad-difiża Lebaniż.
F’Ġunju, al-Baghdadi kien issemma bħala l-mexxej “tal-kalifat” maħluq mill-ISIS fil-partijiet li l-grupp estremista jikkontrolla fis-Sirja u fl-Iraq.
Matul ix-xahar li għadda, l-ISIS ċaħad rapporti li al-Baghdadi kien inqatel jew indarab f’attakk militari mill-ajru tal-koalizzjoni mmexxija mill-Istati Uniti qrib il-belt ta’ Mosul.
L-ISIS kien ħareġ rekording tal-vuċi tiegħu, li allegatament kienet ta’ al-Baghdadi, u fih hu qal li l-kalifat kien se jespandi filwaqt li talab biex jiżbruffaw “il-vulkani tal-ġiħad”.
//= $special ?>