Tkompli l-kumpilazzjoni fil-konfront tat-tmexxija ta’ Leisure Clothing b’rabta ma’ esplojtazzjoni u traffikar uman
Bin Han, iċ-Ċiniż ta’ 46 sena u d-Direttur Maniġerjali tal-kumpanija Leisure Clothing, kien żvela ma’ eks Spettur tal-Pulizija li kien żamm il-Passaporti u l-flus tal-ħaddiema biex dawn ma jaħarbux minn Malta. Barra minhekk, fil-Ftehim Kollettiv, kien jagħmel eċċezzjoni bejn il-ħaddiema Maltin u dawk barranin. Il-ħaddiema barranin ma kienux koperti bil-Ftehim, li kien sar mill-General Worker’s Union, iżda l-Liġi tagħtihom id-dritt għal paga minima.
Dan ħareġ mix-xhieda tal-eks Spettur tal-Pulizija Antoine Grech meta llum kompliet il-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Bin Han u Liu Jia, ta’ 31 sena u Marketing Manager tal-Leisure Clothing. Huma qed jiġu akkużati bi traffikar uman u esplojtazzjoni ta’ persuni Ċiniżi u Vjetnamiżi li kienu jaħdmu fil-fabbrika. Iż-żewġ Ċiniż qed jiġu akkużati wkoll b’miżappropjazzjoni tal-pagi tal-ħaddiema, li naqsu li jħallsuhom, kif ukoll li naqsu milli jħallsu s-sahra, allowances u li jimxu mal-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-Liġijiet ta’ Malta.
Grech qal li kien kellem tliet Vjetnamiżi fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija dwar il-kundizzjonijiet li dehru li ma kinux skont il-Liġi. Qalulu li bejn Novembru 2013 u Lulju 2014 kienu ħadu biss €600 u li l-kuntratt ma kienx f’idejhom. Qalulu li min iħaddimhom qalilhom li kienu se jitħallsu l-pagi hekk kif il-kuntratt tagħhom jispiċċa. Qal li hu għamel talba biex iħallas lill-impjegati u li dan qallu li meta l-ħaddiema barranin ikollhom bżonn il-flus jimlew formola u jieħdu minn flushom. Qal li dawn kien jinżammulhom il-flus għall-ikel u fejn jorqdu.
Ix-xhud qal li minkejja li Bin Han semmielu l-formoli li jistgħu jużaw il-ħaddiema, dan qatt ma ra l-formoli. Ingħad ukoll li l-ħaddiema barranin kienu jaħdmu ħinijiet twal u meta talab għall-ħinijiet li jaħdmu l-ħaddiema, dawn qatt ma ngħataw. Dwar meta kien mar fil-fabbrika, ix-xhud qal li ma sab l-ebda problemi. Spjega li daħal fil-fabbrika mill-uffiċċju u li s-safe deposit box kienet xi ħaġa fittizzja għax il-flus kienu jinżammu f’kont.
Sadanittant, l-ewwel xhud fil-kumpilazzjoni kien l-Ispettur tal-Immigrazzjoni Darren Buhagiar, li qal li fis-26 ta’ Lulju qalulu li kienu arrestaw tliet persuni Vjetnamiżi b’Passaporti foloz. Qal li meta ċċekkja fuq is-sitema tal-VISAs, skopra li dawn kellhom il-permess jaħdmu Malta. It-tliet Vjetnamiżi kienu spiċċaw arrestati meta kienu se jaħarbu lejn Katanja u nqabdu bid-dokumenti foloz. Irriżulta li t-talba biex jaħdmu Malta kienet saret mill-fabbrika Leisure Clothing, preċiżament minn Bin Han.
Waħda mit-tliet Vjetnamiżi qalet lix-xhud li riditx tara lill-“boss tagħha” u talbitu bil-ħniena biex ma jċemplux il-fabbrika. Bil-kitba qaltlu biex jgħinha u li mill-fabbrika kienet taqla bejn €200 u €300. L-Ispettur Buhagiar kompla jgħid li t-tiet Vjetnamiżi kellhom Passaport falz Taljan u dehru li riedu l-għajnuna minħabba li kienu f’sitwazzjoni prekarja. Qal li dwar il-każ tad-dokumenti foloz, dawn kienu weħlu sentenza sospiża u li kien informa lid-Direttur għax-Xogħol u r-Relazzjonijiet Industrijali, kif wkoll lill-Iskwadra tal-Pulizija Kontra l-Vizzji.
Meta kien qed iwieġeb mistoqsijiet tad-Difiża, l-Ispettur Buhagiar ikkonferma li dawn ġew Malta b’mod normali billi applikaw għall-Visa għal raġunijiet ta’ xogħol fuq stedina ta’ Bin Han u b’applikazzjoni mill-fabbrika f’isimhom. Il-Visa kienet valida bejn Novembru 2013 u Settembru 2014. Filwaqt li esebixxa x-xogħol tagħhom, ix-xhud qal ukoll li ra ħafna applikazzjonijiet li għamel Bin Han innifsu biex iġib il-ħaddiema f’pajjiżna.
L-Ispettur Buhagiar qal li l-ħaddiema Asjatiċi kienu jingħataw l-ikel u jorqdu fil-fabbrika stess għax ma kienux jaqilgħu flus biżżejjed minkejja li kienu jaħdmu 12-il siegħa kuljum mit-Tnejn sal-Ħadd.
Xehdet ukoll Romina Veneziani mid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali. Hi qalet li fis-27 ta’ Lulju 2014 kienet irċiviet email mingħand l-Assistent Kummissarju Lawrence Cutajar, li infurmaha li tliet Vjetnamiżi kienu qed jagħmlu lment li għandhom jieħdu l-paga. L-għada, hi kkuntattjat lill-Ispettur Darren Buhagiar u kienet infurmata li kellhom ħafna flus x’jieħdu. Qalet li fl-2007 kien hemm ftehim li l-fabbrika kellhom jinfetħu xi kontijiet f’xi bank, iżda ma kellhiex aktar informazzjoni.
Ix-xhud qalet li f’xogħolha qatt ma ltaqgħet ma każijiet simili bħal dawn li jinżammu l-flus. Sadanittant qalet li meta kienet għamlet tfittxija dwar il-kumpanija Leisure Cloting kienet sabet li fl-2007 kienet qed isir xi ħaġa llegali. Hawn l-Avukat Edward Gatt, li flimkien mal-Avukat Pio Valletta qed jiddeffendi lill-akkużati qal, “li alla jbierek ma tressaq ħadd dakinhar”
Qalet li dwar dan ilment kienu inbagħatu xi Spetturi u hawn kien meta kienu wegħdu lid-Dipartiment li kienu se jinfetħu xi kontijiet fil-banek, u wara ma kienx hemm ilmenti aktar. Hija qalet li ġieli kien hemm “employers” li ma tawx il-paga lill-ħaddiema tagħhom.
Xehedet ukoll l-Avukat Elisabeth Borg, mid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali li qalet li kienu marru tliet Vjettnamiżi għall-ħabta ta’ Lulju u marru minħabba xi pagi. Kienet bagħtet ittra lill-Kummissarju tal-Pulizija fil-5 ta’ Settembru biex jinvestiga fuq pendenzi ta’ pagi u fuq żamma ta’ flus.
Hija qalet li kienu marru sitt persuni oħra barranin jilmentaw fuq il-pagi u fuq flus ta’ sahra li kellhom jieħdu. Qalet li hi qatt ma kienet kellmet lil Han Bin personali imma taf li meta dan kien intalab biex jagħti “slips” fuq sahra, iżda qatt ma ħadu risposta.
Qalet ukoll li kien hemm laqgħa mal-Avukat Ġenerali dwar dan kollu. Il-Maġistrat Carol Peralta minn naħa tiegħu filwaqt li ddeferixxa l-każ għall-Erbgħa filgħodu qal li milli sema’ għadu mhux konvint mill-każ għax għadu mhux ċar jekk kemm il-darba, l-ħaddiema kienux se jitlobu għal flushom kienux se jingħatawlhom.
Huwa qal li mill-banda l-oħra l-fatt li Han Bin qal li kien iżommilhom il-flus u l-passaporti biex ma jaħarbux minn Malta, hija nkwetanti. L-Ispettur Joseph Busuttil, li flimkien mal-Ispettur Sylvana Briffa qegħdin imexxu l-Prosekuzzjoni qal li mix-xhieda tad-diversi barranin li għad iridu jiddeponu, l-każ ta’ traffikar uman għandu joħroġ.
Minn naħa tiegħu l-Avukat Edward Gatt qal li skont hu lanqas fuq miżappropjazzjoni ma hemm każ. Il-Maġistrat Peralta qal li huwa se jiddeċiedi jekk hemmx raġunijiet biex jitpoġġew taħt att ta’ akkuża meta se jisma’ aktar xhieda. Sadanittant l-ex Imħallef Philip Sciberras ul-Avukat Karl Briffa deheru bħala parti-ċivili fil-każ.
Iż-żewġ Diretturi tal-kumpanija Leisure Clothing kienu ngħataw il-liberta’ proviżorja wara talba li huma kienu għamlu fil-Qorti tal-Maġistrati. Bin Han u Liu Jia kellhom it-talba tagħhom milqugħa fuq depożitu ta’ €10,000 u garanzija personali ta’ €25,000.
Kienu ordnati wkoll jiffirmaw kuljum fl-Għassa tal-Pulizija taż-Żejtun u dan peress li huma jaħdmu fil-qasam Industrijali ta’ Bulebel u li jkunu d-dar fil-11.00 p.m. u ma joħorġux qabel is-6.00 a.m.
//= $special ?>