Lokali Parlament

Bl-interconnector l-elettriku jista’ jinxtara minn Sqallija bi prezz ħafna orħos

Falliment b’gidba ripetuta li l-proġett dwar l-enerġija kien on track

Id-Deputat Nazzjonalista George Pullicino spjega fil-Parlament li filwaqt li l-impjant tal-BWSC f’Delimara diġà ta riżultati mhux biss fit-tnaqqis tal-ispiża fil-ġenerazzjoni tal-elettriku iżda wkoll fit-tnaqqis tal-emissjonijiet, bl-interconnector l-elettriku jista’ jinxtara bi prezz ħafna orħos minn Sqallija.

George Pullicino, Kelliem għall-Enerġija u l-Konservazzjoni tal-Ilma, qal meta tkellem fil-Parlament dwar il-baġit tal-Ministeru responsabbli mill-enerġija, li l-prezz tad-dawl fis-suq fi Sqallija qiegħed 5ċ2 kull unit – 4.4ċ anqas minn dak li lest tagħti lill-Gvern l-Eletrogas – liema prezz mistenni wkoll jinżel fis-suq ħieles li se jibda jopera fi Sqallija. Il-medja tal-prezz tad-dawl fl-Italja kien ta’ 5ċ9 f’Jannar ta’ din is-sena, u staqsa jekk dan jagħmilx sens meta nistgħu nixtrru d-dawl ferm anqas bl-interconnector.

Semma wkoll kif bil-pjan tal-Gvern se jkollna wkoll kapaċità ta’ enerġija ħafna aktar milli għandna bżonn nikkunsmaw, u staqsa x’se jagħmel b’din l-enerġija żejda u min se jixtri bil-prezz ta’ 9ċ6 meta minn Sqallija jinxtara ferm orħos.

Iddikjara li l-Partit Nazzjonalista fil-Gvern mhux se jintrabat li l-pajjiż jixtri bi prezz għola mill-prezzijiet fis-swieq Ewropej.

Ikkritika n-nuqqas ta’ trasparenza fit-tmexxija tal-gvern u staqsa meta se jkun ippubblikat il-ftehim mal-Electrogas li ġie ffirmat fid-dlam u għadu fid-dlam; meta se jiġi ppubblikat id-dettalji tal-vapur li kien ikkuntrattat għall-power station il-ġdida; u għaliex għadu ma ppubblikax il-vijabbiltà u l-istudju tal-pipeliine tal-gass u meta se jkun lest meta dan ġie kkummissjonat fil-bidu tal-2013.

George Pullicnio qal li dan hu Gvern li hu totalment mifxul u ma jafx fejn sejjer fuq il-proġett tal-pipeline.

Filwaqt li rrimarka li l-kapparra ta’ €30 miljun mill-konsorzju li se jibni l-power station ma ġietx, staqsa minn fejn se jġib ir-roħs fil-kontijiet, jekk hux mit-taxxi fuq il-fuel li żamm f’livell għoli għall-konsumatur Malti jew kompliex jiddejjen u jżid id-dejn bi €3 miljun kuljum.

Fisser li dan hu Gvern ta’ fabbrika ta’ qerq u gideb. Eżempju ieħor ta’ dan kien id-dikjarazzjoni tal-Gvern li f’dokument tal-UE qal li l-impjant tal-BWSC hu impjant ta’ enerġija nadifa meta qabel l-elezzjoni kien fissru bħala fabbrika tal-kanċer.
Talab lill-Gvern jispjega jekk hux il-magni tal-BWSC humiex jitħaddmu aktar sigħat milli suppost biex jiffranka aktar mill-ispiża fuq il-ġenerazzjoni.

Dwar il-prezzijiet tal-fuels, George Pullicino qal li l-prezzijiet illum huma l-orħos fl-aħħar ħames snin filwaqt li l-konsumatur baqa’ jħallas prezzijiet ferm ogħla, fosthom għall-eptrol u d-diesel.

Filwaqt li rrimarka li l-Gvern kien konvintissimu li jlesti l-power station f’sentejn, hu ċar lil-Ministru Konrad Mizzi gidbu l-ħin kollu u ripetutament li l-proġett kien on track. Gidba wkoll kienet l-għajta li l-Enemalta mhix se tkun privatizzata; li l-impjant tal-BWSC kien fabbrika tal-kanċer; li se jiftiehem dwar prezz fiss għall-enerġija għal 10 snin; li se jirċieva kappara ta’ €30 miljun bil-quddiem mill-konsorzju li se jibni l-power station; u li Muscat jirriżenja jekk ma jlestix il-power station fi żmien sentejn u dan m’għamlux.

Ikkritika lill-Gvern li qed jiggverna fid-dlam u fil-ħabi u għadu jqarraq bin-nies meta qed jgħid li x-xogħol għaddej meta l-makkinarju fuq is-sit ilu wieqaf tliet ġimgħat.

Id-Deputat Nazzjonalista qal li l-Gvern Laburista falla fl-akbar wegħda li għamel li jibni power station ġdida f’sentejn u għalhekk, ippropona fil-Parlament li l-Ministru Konrad Mizzi titnaqqaslu €99 mis-salarju tiegħu li tissimobolizza d-99 jum li mil-lum kien fadal biex il-Gvern jinawgura l-power station il-ġdida kif kien wiegħed lill-elettorat il-Gvern ta’ Muscat qabel l-elezzjoni.

Dwar il-qasam tal-ilma, qal li kienu impjegati aktar minn 80 persuna mal-Korpotrazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u qal li mhux ta’ b’xejn li żdiedu l-allokazzjonijiet għall-pagi fil-Korporazzjoni bi kważi €800,000 f’sentejn.

Semma wkoll in-numru ta’ promozzjonijiet bla limitu u fil-WSC sar qisu l-bini tal-GWU b’diversi karigi għolja lil eksħaddiema u eksuffiċjali tal-GWU. Spjega li filwaqt li qed jintefqu ħafna flus f’salarji ġodda, mhux qed jingħataw il-water saving kits lill-familji.

George Pullicino qal ukoll li tul dawn l-aħħar xhur, il-kwaltà tal-ilma ma baqgħetx aktar stabbli. Il-chlorides fl-ilma żdiedu konsiderevolment u staqsa jekk hux qed niġbdu aktar mill-ilma tal-pjan. Staqsa lill-Gevrn jippubblika l-livell ta’ chloride li qal li qed jaqbeż il-livell li hu aċċettabbli.