Lokali

Break ins u bla lezzjonijiet tal-P.E minħabba l-bullying fil-klassi

“It-tifla tiegħi u sħabha tal-klassi ilhom ġimgħat jispiċċaw break ins u mingħajr lezzjonijiet tal-edukazzjoni fiżika minħabba s-sitwazzjoni bla kontroll fil-klassi tagħhom.”

Dan qalitu omm li tkellmet ma’ Maltarightnow wara li ftit jiem ilu rrapurtajna każ ta’ bullying fil-primarja ta’ Raħal Ġdid (aqra hawn)

Din l-omm, li bintha tattendi waħda minn żewġ klassijiet tat-tielet sena tal-primarja fil-Kulleġġ San Ġorġ Preca tal-Ħamrun, skola magħrufa fost il-ġenituri bħala l-iskola l-kbira, spjegat kif bintha spiss tispiċċa vittma ta’ bullying.

“Fil-klassi ma binti hemm tfal li jbagħtu bl-ADHD u oħrajn li huma hyper. Madankollu dawn jinsabu kollha fl-istess klassi bil-konsegwenza li nħolqot sitwazzjoni inkontrollabbli,” spjegat din l-omm.

Qaltilna li minn Ottubru ‘l hawn mhux l-ewwel darba li bintha qalgħet swat minn dawn it-tfal, li wkoll beżqulha f’wiċċha u fil-lunch tagħha.

Kompliet tgħidilna li “lill-għalliema tagħhom bikkewha u nitħassruha għax miskina ma tiflaħx iżjed għalihom.”

Din l-omm qaltilna wkoll li ppruvat titkellem mas-surmast dwar dan il-każ u bagħtet ukoll email lill-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo bid-dettalji. Madankollu s’issa s-sitwazzjoni baqgħet l-istess.

Fl-aħħar jiem Maltarightnow irċiviet ukoll numru ta’ rapporti simili minn ġenituri li saħansitra qalulna li n-nuqqas kbir ta’ LSAs li hawn bħalissa f’pajjiżna qed twassal biex tfal li huma ċertifikati li għandom bżonn l-assistenza qed jitħallew waħidhom.

Dan qed iwassal biex jew huma jispiċċaw bullied, inkella jkunu huma li jwettqu bullying fuq ħaddieħor.