Lokali

ESKLUSSIVA | Aġġornata: Numru ta’ promozzjonijiet għal tal-qalba fl-Armata

Wara li ftit tal-ħin ilu, MaltaRightNow.com żvela kif matul il-ġurnata tal-bieraħ inħarġet lista ta’ transfers vendikattivi fil-Forzi Armati ta’ Malta, issa nistgħu niżvelaw kif ilbieraħ ukoll fl-Armata nħarġu numru ta’ promozzjonijiet u trasferimenti ħalli jkunu aġevolati membri fl-Armata li hu magħruf li huma tal-qalba.

Iċ-ċirkulari maħruġa lbieraħ, żvelata aktar kmieni minn MaltaRightNow.com, tindika wkoll it-tibdil li se jsir u ssemmi wkoll ħatriet, promozzjonijiet u transfers għal membri tal-qalba u li huma magħrufa bħala li “jissimpatizzaw bil-kbir” mal-Partit Laburista. Is-sorsi li tkellmu magħna fissru li dan sar biex kienu akkomodati dawn il-persuni jew imtajra membri oħra tal-Armata, li hu magħruf li huma serji fil-qadi tad-doveri tagħhom.

Madankollu, kollox jindika li llum fl-Armata l-importanti mhux jekk intix Fizzjal jew Suldat serju u tal-affari tiegħek, iżda xi twemmin għandek u jekk intix tal-qalba jew le. Is-sorsi li tkellmu magħna sostnew li bla dubju, affarijiet bħal dawn jiskoraġixxu lil min tassew iħobb l-Uniformi, bil-Gvern qed juri bl-aktar mod ċar li jistgħu javvanzaw u jimxu ‘l quddiem biss dawk li jissimpatizzaw miegħu.

Aktar kmieni …

Maħruġa lista twila ta’ transfers vendikattivi fl-Armata

Matul il-ġurnata tal-bieraħ, il-Forzi Armati ta’ Malta sfaw fil-mira ta’ lista twila ta’ transfers vendikattivi. MaltaRightNow.com jista’ jiżvela li l-lista ta’ transfers vendikattivi kienet komunikata lill-varji taqsimiet fi ħdan l-Armata.

Sorsi li tkellmu magħna qalu li baqgħu mistgħaġba u xxukkjati bit-transfers vendikattivi, li fihom fizzjali kompetenti fis-settur partikulari tagħhom kienu nfurmati b’din iċ-ċirkolari li se jibdew iservu f’taqsima oħra fejn l-abbiltajiet tagħhom fir-rwol il-ġdid hu diskutibbli ħafna.

Is-sorsi li tkellmu ma’ MaltaRightNow.com qalu li t-transfers vendikattivi se jikkaratterizzaw il-jum tal-1 ta’ Diċembru 2014 bħala paġna mill-aktar sewda fl-istorja tal-Armata. Dokumenti li għandu f’idejh MaltaRightNow.com juru kif it-transfers se jidħlu fis-seħħ mit-Tlieta li ġej.

Is-sorsi żiedu li l-affarijiet fl-Armata sejrin mill-ħażin għall-agħar u kollox jindika li biex titħalla tagħmel xogħolok sew jew biex tingħata xi promozzjoni li jkun ħaqqek, trid tkun meqjus bħala tal-qalba, jew għall-anqas “ta’ twemmin aħmar”.

Agħfas hawn biex tara ċ-Ċirkolari.

Aktar dettalji fil-ħin li ġej …