Futbol Sport

FA Trophy: Hibernians jaċċertaw fl-ewwel taqsima

ST. GEORGE’S ………………. 0
HIBERNIANS …………………. 2

St. George’s – C. Carbonaro, D. Zerafa, Liam Mallia, D. Camilleri (E. Sevasta), F. Ita, Larson Mallia (O. Giordano), E. Amaira, R. Tanti, A. Bonello, B. Muscat, N. Ojuola (G. Okechukwu).

Hibernians – J. Borg, R. Soares, A. Agius (Z. Scerri), J. Pearson, J. Mbong, R. De Gracia Gomes, B. Kristensen (K. Tanti), J. Lima, A. Cohen, E. Dos Santos, J. Da Silva Pereira (J. Degabriele).

Skorjaw – Da Silva Pereira 22’, E. Dos Santos 44’

Referee – Fyodor Zammit

 

Kif kien mistenni Hibernians għaddew mal-aħħar sittax tal-FA Trophy b’rebħa faċli b’żewġ gowls fl-ewwel taqsima kontra St. George’s. Is-superjorità kienet ferm iktar milli juri l-iskor finali, iżda bejn għad-difiża qalbiena tal-Bormliżi, u anki għan-nuqqas ta’ intensità min-naħa ta’ Hibs, l-iskor baqa’ wieħed baxx.

L-ewwel 20 minuta kienu kwieti u St. George’s m’għaddew minn ebda periklu minkejja s-supremazija territorjali ta’ Hibernians. L-ekwilibru inkiser fit-22 minuta meta l-Bormliżi tilfu banalment il-ballun f’nofs il-grawnd, Jackson Lima avanza u żmarka lil DA SILVA PERREIRA li quddiem Carbonaro ma żbaljax meta skorja b’xutt fil-baxx.

Minkejja dan il-gowl l-andament tattiku ftit inbidel bil-Bormliżi jibqgħu jistennew lill-avversarji u Hibernians jattakkaw mingħajr wisq konvinzjoni. Dos Santos kellu gowl imħassar u kien ukoll imwissi għaliex skorja b’idu u ftit wara xutt ta’ Mbong mar ftit barra.

Man nofs siegħa is-Saints tilfu lil David Camilleri u minuta mill-intervall Hibernians irduppjaw meta minn azzjoni ta’ korner kien EDISON DOS SANTOS li skorja b’daqqa ta’ ras.

Kif bdiet it-tieni taqsima Pereira falla ċans tajjeb wara pass ta’ Kristensen. Fit-52 minuta azzjoni tajba ta’ St. George’s bejn Liam Mallia u Okechukwu bix-xutt ta’ dan ta’ l-aħħar ikun salvat minn Jurgen Borg.

Fid-59 minuta Hibernians viċin it-tielet gowl b’xutt ta’ Gomes salvat minn fuq il-linja minn Sevasta u mir-rebound l-istess Gomes ra x-xutt tiegħu salvat minn Carbonaro.

Hibernians komplew jattakkaw bil-Bormliżi jiddefendu kif jistgħu biex żammew l-iskor baxx sat-tmiem.

B’hekk Hibs issa jippreparaw biex fir-ound li jmiss jiltaqgħu kontra Nadur Youngsters f’Għawdex għal post mal-aħħar tmienja.