Minn Stewart Said
BIRŻEBBUĠA..……….1
VALLETTA……..………7
Birżebbuġa: A. Boatto, P. Camilleri (G. Magri 79’), L. Micallef, E. Bonati, G. Caruana, D. Kokavessis (A. Cutajar 86’), N. Clerico, J. Briffa, L. Camilleri, K. Muscat, D. Grech (R. Micallef 46’)
Valletta: Y. Cini, S. Borg, R. Camilleri (H. Alkamali 61’), R. Fenech (C. Caruana 46’), H. Faria, R. Kooh Sohna, L. Montebello, H. Barry (L. Elford Alliyu 71’), S. Bajada, L. Cremona, L. Dimech
Skurjaw: R. Fenech 7’, R. Kooh Sohna 12’, L. Montebello 15’,19’,74’, H. Faria 81’, C. Caruana 90’ (V), N. Clerico 20’ (B)
Referee: Clayton Pisani
Il-‘holders’ Valletta ftit sabu diffikultà biex jgħaddu għar-rawnd li jmiss tal-FA Trophy meta għelbu faċilment lil Birżebbuġa St. Peters 7-1. Il-Beltin skorjaw erba’ gowls fl-ewwel 18-il minuta u minn hemm ikkontrollaw il-partita b’Birżebbuġa ma joffru l-ebda oppożizzjoni.
Valletta marru fil-vantaġġ fis-seba’ minuta meta RYAN FENECH għeleb lil Boatto bi free-kick dirett minn madwar 25 metru. Ħames minuti wara l-Beltin ingħataw penalty meta cross ta’ Shaun Bajada ġie ġudikat mir-referee Clayton Pisani li ħabat m’id Darrell Grech. Mill-11-il metru RAPHAEL KOOH SOHNA ma żbaljax.
Il-‘holders’ għamluhom tlieta fil-15-il minuta meta Ryan Camilleri kkrossja fil-kaxxa, Julian Briffa niżżel qasir b’sidru u LUKE MONTEBELLO kien pront għeleb lil Boatto.
It-tim tal-Belt għaqqad il-poker fid-19 minuta meta LUKE MONTEBELLO ħabbat il-ballun ma’ Barry u b’xutt fil-baxx għeleb lil Boatto.
Birżebbuġa naqqsu l-marġni tal-iskor minuta wara meta wara nuqqas ta’ ftehim bejn Cini u Dimech, il-ballun spiċċa għand NICOLO CLERICO li qabbeż fuq Cini minn barra l-kaxxa.
Valletta ħarġu jfittxu gowl ieħor waral-mistrieħ u fid-49 minuta s-sostitut Christian Caruana kien sfortunat meta wara azzjoni personali pprova b’xutt minn barra l-kaxxa li ħabat mal-mimduda. Il-Beltin skorjaw il-ħames gowl fl-74 minuta meta s-sostitut Elford Alliyu għadda lejn LUKE MONTEBELLO li qabeż żewġ difensuri u lil Boatto biex tefa’ fix-xibka.
Il-Beltin skorjaw is-sitt gowl fil-81 minuta meta Elford Alliyu qassam lejn HUGO FARIA li b’xutt mill-ewwel kompla għal ġewwa.
Valletta baqgħu fuq l-attakk u żiedu ieħor fid-90 minuta meta minn corner ta’ Shaun Bajada, kien CHRISTIAN CARUANA li bir-ras mill-viċin għeleb lil Boatto għall-ewwel gowl bil-flokk Belti.
//= $special ?>