Lokali Parlament

Għaqdiet volontarji għadhom jistennew laqgħa mal-Ministru Manwel Mallia

Il-Ministru Manwel Mallia għadu ma laqax it-talba biex jiltaqa’ mal-għaqdiet mhux governattivi li jaħdmu b’tant dedikazzjoni mal-isfidi li jħabbtu wiċċhom l-immigranti irregolari minkejja t-talba li ilhom li għamlulu wara li kien iltaqa’ magħhom darba.

Id-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg, Kelliema għad-Djalogu Soċjali u l-Libertajiet Ċivili, qalet li hi infurmata li saret laqgħa waħda biss mal-Ministru Mallia, u li l-għaqdiet talbu biex jiltaqgħu għal darb oħra.

Id-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg tkellmet fil-Parlament dwar id-dibattitu dwar il-Ministeru tal-Intern, u appellat lill-Gvern biex jisma’ u jaħdem mal-għaqdiet mhux governattivi li jagħtu servizzi ta’ fejda b’risq l-immigranti irregolari f’pajjiżna.

Appellat biex il-Ministru Mallia responsabbli mill-isfida tal-imigrazzjon irregolari, jiltaqa’ ma’ dawn l-għaqdiet fosthom mal-Aditus, il-Foundation for Shelter and Support to Migrants, l-INTEGRA, is-Servizzi tal-Ġiżwiti għar-Refuġjati, il-COPIN, il-Kummissjoni Maltija għall-Emigranti, il-Migrants Network for Equality u l-SOS Malta.

Semmiet ukoll proposta konkreta tal-SOS Malta għal pjan ta’ azzjoni konkret għal strateġija ta’ assistenza volontarja, u jekk dan il-pjan ta’ azzjoni l-Gvern hux qed jikkunsidrah.

Claudette Buttigieg appellat għal ħidma ta’ kunsens fil-qasam tal-immigrazzjoni irregolari filwaqt li saħqet għal aktar onestà politika f’dan il-qasam daqstant senisittiv biex ma nbellgħux lill-poplu li din hi xi sfida li se nsolvu.

Fissret li din l-isfida teħtieġ ħidma b’impenn kbir u flimkien mal-għaqdet volontarji li jaħdmu mal-immigranti f’pajjiżna.
Id-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg sejħet bħala nuqqas il-fatt li l-Ministru Manwel Mallia ma kienx preżenti għal laqgħa li saret mal-Kummissarju Ewropew Cecilia Malmstrom minħabba li kien fuq vaganza.

Staqsiet ukoll taħt liema vot jaqgħu l-fondi għall-manutenzjoni tal-Għases tal-Pulizija kif ukoll għaċ-ċentri ta’ detenzjoni li qalet li ċ-ċentri ta’ detenzjoni qed jintużaw ukoll biex isiru impjiegi ġodda mal-Gvern.

Claudette Buttigieg staqsiet x’qed isir b’mod konkret biex ikun hemm kordinazzjoni mal-għaqdiet volontarji li jittrattaw l-attenzjoni għall-immigranti u r-refuġjati.

Claudette Buttigieg qalet li tistenna impenn akbar mill-Gvern dwar il-policies li għandhom ikunu relatati għall-immigranti u l-mod kif għandhom ikunu trattati ladarba jinżlu f’pajjiżna.

Id-Deputat Nazzjonalista staqsiet jekk hemmx tfal f’ċentri ta’ detenzjoni meta f’Marzu li għadda l-Prim Ministru tkellem fis-sens li kien għad hemm tfal miżmuma f’ċentri bħal dawn.

Dwar l-immigrazzjoni Claudette Buttigieg qalet li f’risposta li kien ta l-ministru, kien irriżulta li mhux se jkun hemm aktar ċentri ta’ detenzjoni u s-soluzzjoni mhix il-ftuħ ta’ ċentru ġodda, li diġà hawn tnejn, iżda hi azzjoni konkreta tal-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. Staqsiet x’qed jagħmel il-Gvern b’mod konkret biex joħloq network ta’ azzjoni kemm fuq livell lokali kif ukoll fuq dak Ewropew biex tissaħħaħ il-ħidma f’dan is-settur delikat u imporanti fil-qasam tal-immigrazzjoni irregolari.