Lokali Parlament

Ħaddiema tal-Enemalta mħassba dwar il-futur tagħhom

Il-Gvern għandu wkoll jispjega x’se jiġri mill-kmamar tan-nar taż-Żejtun u Ħal Għaxaq

Id-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina appella lill-Gvern jisma’ l-appelli tal-ħaddiema tal-Enemalta li huma mħassba dwar il-futur tal-impjieg tagħhom.

Meta tkellem fil-Parlament fid-diskussjoni dwar il-baġit għas-settur tal-enerġija, Toni Bezzina spjega li l-Oppożizzjoni mhix kontra r-roħs tal-kontijiet jew l-użu tal-gass fil-power station għal arja aktar nadifa. Iżda hemm affarijiet serji u inkwetanti fil-pjani tal-Gvern dwar l-enerġija.

Lill-ħaddiema tal-Enemalta, spjega d-Deputat Nazzjonalista, jirriżulta wkoll li wegħedhom ħaġa u għamel oħra, bil-ħaddiema ma jafux x’se jiġri minnhom, fosthom dawk il-ħaddiema bix-shift u dawk fl-impjant tal-BWSC li huma nkwetati jekk hux se jkun hemm xogħol assigurat għalihom.

Toni Bezzina esprima t-tħassib ta’ ħafna ħaddiema tal-Enemalta li ma jafux jekk hux se jibqgħu wkoll iżommu l-istess kundizzjonijiet ta’ xogħol taħt il-kumpanija Ċiniża. Staqsa jekk hux se jkun hemm xi skema ta’ rtirar għall-ħaddiema tal-Enemalta.

Tkellem ukoll dwar il-preokkupazzjoni għall-ħażna tal-gass fil-Port ta’ Marsaxlokk li tippreżenta wkoll wegħda oħra miksura meta kien wiegħed tankijiet ta’ ħażna fuq l-art.

Staqsa wkoll x’se jiġri dwar il-kmamar tan-nar taż-Żejtun u ta’ Ħal Għaxaq meta tkun lesta l-power station il-ġdida.