L-erba’ sigħat li qatta’ jparla l-Ministru tal-Finanzi fil-baġit kienu evidentement maħsubin biex iqarrqu: biex jaħbu mill-poplu t-taxxi indiretti li għamel u l-effett fuq dawk li għandhom dħul baxx; u biex jaħbu wkoll id-dejn li qed jiżdied b’rata rekord tort, fost oħrajn, tal-eluf ta’ impjiegi mal-gvern u tat-tmexxija ħażina f’ħafna oqsma.
Cover-up tat-taxxi u tad-dejn
Għalhekk, l-erba’ sigħat paroli tal-baġit ma kienu xejn għajr cover-up tipiku tal-Gvern ta’ Joseph Muscat. Imma l-ħabi tal-Gvern fil-baġit la qarraq bl-Oppożizzjoni u wisq anqas bl-Unjoni Ewropea. Nhar il-Ġimgħa li għadda, fil-fatt, l-Unjoni Ewropea ppubblikat il-fehma tagħha dwar il-baġits tal-pajjiżi kollha tagħha u Malta hi wieħed minn ftit pajjiżi tal-Unjoni li qalgħu twissija dwar il-baġit tagħhom.
L-Unjoni Ewropea ma temminx lill-Gvern ta’ Muscat
Ir-rapport tal-Unjoni Ewropea dwar il-baġit tal-Gvern Malti juri biċ-ċar li mhijiex temmen lill-Gvern ta’ Joseph Muscat. L-istampa tajba li qed ipinġi Edward Scicluna ta’ kif sejra l-ekonomija l-Unjoni Ewropea qed issejħilha ‘ottimista żżejjed’. Għalhekk, tgħid l-Unjoni Ewropea, il-Gvern qed jgħid li se jkollu dħul is-sena d-dieħla li aktarx ma jkollux għax qed jibbaża fuq stampa sabiħa li qed ipinġi hu stess.
Proġetti importanti waqgħu lura – l-UE
Ir-rapport tal-Unjoni Ewropea jkompli juri t-toqob fil-baġit tal-Gvern Laburista li, jgħid ir-rapport Ewropew, waqa’ lura fi proġetti importanti u fil-privatizzazzjoni mill-ġdid tat-trasport pubbliku u għalhekk irid ikompli joħroġ aktar flus.
L-UE ma temminx lill-Gvern li qed jgħid li se jonfoq anqas f’pagi
In-nuqqas ta’ kredibilità tal-Gvern Laburista toħroġ ċara matul ir-rapport kollu. L-Unjoni Ewropera tgħid li l-Gvern ta’ Muscat qed iwiegħed li se jnaqqas in-nefqa tiegħu f’pagi imma tgħid li ma temmnux. Hi ovvja li min kiteb ir-rapport mhu qed jieħu lill-Gvern Laburista bl-ebda serjetà meta jaf li l-Gvern gideb dwar l-eluf li qed idaħħal mal-gvern u li Edward Scicluna qal li huma biss perċezzjoni statistika.
Nefqa rikorrenti akbar impattija biss bi dħul ta’ darba
L-Unjoni Ewropea tgħid ukoll li l-Gvern qed jagħmel ħażin meta qed iżid in-nefqa li jrid jagħmel kull sena – pagi pereżempju – u qed jittama li jpaċiha bi dħul ta’ darba. U anke l-istima tad-dħul tal-Gvern, l-Unjoni Ewropea mhijiex temminha.
Żieda qawwija fid-dejn tal-pajjiż
Ir-rapport tal-Unjoni Ewropea hu kritiku wkoll fuq iż-żieda fid-dejn li fil-fatt qed tirriżulta qawwija. Waqt li ċ-ċifri tal-Eurostat juru li fl-aħħar tal-2012 Malta kellha dejn ta’ 67% ta’ dak li tipproduċi f’sena, l-Unjoni Ewropea stess qed tistma li d-dejn Malti s-sena d-dieħla se jkun żdied għal 71%; żieda qawwija tort id-dejn rekord li qed jagħmel dal-Gvern u li fl-ewwel nofs ta’ dis-sena kien ta’ 3 miljun ewro kuljum.
‘Gvern bla ħeġġa għall-miri tiegħu stess’
Hekk jikkonkludi r-rapport tal-Unjoni Ewropea ppubblikat nhar il-Ġimgħa: Il-Gvern Malti qed jidħol f’riskju qawwi li ma jilħaqx il-miri. Il-baġit tal-Gvern Malti qiegħed ’il bogħod minn dak li tistenna l-Unjoni Ewropea skont it-trattati tagħha u l-Gvern Malti mhuwiex juri ħeġġa biżżejjed biex jilħaq il-miri li qed jgħid li għandu.
F’rapport ta’ tliet faċċati, l-Unjoni Ewropea żarmat l-erba’ sigħat cover-up tal-baġit.
//= $special ?>