Eluf ta’ nies, fil-Ġermanja, esprimew niket profond għall-qtil bla sens ta’ mara żgħażugħa li spiċċat aggredita wara li ppruvat issalva żewġ tfajliet li kienu persegwitati minn grupp ta’ rġiel fil-belt ta’ Frankfurt.
Il-vittma, Tugce Albayrak, kienet ta’ oriġini Torka u llum qed tingħata ġieh bħala ‘eroj u mudell’ fil-Ġermanja li għandha popolazzjoni kbira ta’ immigranti.
Albayrak spiċċat il-vittma ta’ attakk brutali, ġimgħatejn ilu, barra ristorant tal-McDonald’s fi Frankfurt, bl-aggrediment tagħha jqanqal eżami tal-kuxjenza fost il-Ġermaniżi. Fil-fatt, aktar minn 100,000 iffirmaw petizzjoni fuq l-Internet biex il-Ġermanja tagħtiha l-ogħla unur għall-qlubija li, eventwalment, kellha tiswielha ħajjitha f’ċirkostanzi traġiċi.
Qabel l-attakk, Tugce Albayrak, studenta ta’ 22 sena, kienet intervjeniet biex twaqqaf grupp ta’ rġiel li kienu qed idejjqu lil żewġ tfajliet adolexxenti fit-toilets tar-ristorant u wara li semgħet lit-tfaliet iwerżqu. Wara l-inċident, wieħed mill-irġiel ikkonfronta lil Albayrak fil-car park tal-McDonald’s, bil-kameras tas-sigurta juruh qed imidd lill-mara b’daqqa qawwija f’rasha.
Ġuvni ta’ 18 il-sena identifikat biss bħala Sanel M spiċċa arrestat u, skont ir-rapporti, ammetta li kien hu l-aggressur ta’ Albayrak.
It-tobba li eżaminaw lil Tugce Albayrak dritt wara l-attakk fissruha bħala ‘brain-dead’ u qalu li ma setgħux isalvawha. Intant, il-ġenituri ta’ Tugce talbu biex it-tobba jżommu lil binthom fuq il-magna sa nhar il-Ġimgħa, li kien jinzerta għeluq sninha, waqt li mijiet ta’ Ġermaniżi ħadu sehem f’vejla tax-xemgħat quddiem l-isptar fejn l-istudenta ħadet l-aħħar nifs tagħha.
//= $special ?>