Wara l-aħbar ta’ MaltaRightNow.com li fiha żvelajna kif żewġ vapuri tal-Gozo Channel kienu bla waħda mil-lifeboats għal diversi jiem, issa rriżulta li fl-aħħar jiem sar eżerċizzju ieħor fejn tniżżlet lifeboat tal-MV Ta’ Pinu fil-baħar u rriżulta li beda dieħel l-ilma fiha. Mhux magħruf x’wassal għal dan u meta saret l-aħħar spezzjoni fuq il-lifeboat.
Il-ġurnal In-Nazzjon illum żvela kif il-Ministri Joe Mizzi u Anton Refalo mhux qed jaqblu bejnietho dwar x’wassal għall-inċident li fih il-vapur MV Gaudos spiċċa bi ħsarat fil-lifeboat. Id-differenzi fil-pożizzjonijiet tal-Ministri Laburisti waslet minn Mistoqsijiet Parlamentari li għamel separatament id-Deputat Nazzjonalista Ċensu Galea. Id-Deputat Nazzjonalista staqsa lill-Ministri biex jagħtu tagħrif dwar jekk intalbitx eżenzjoni għall-użu tal-lifeboats abbod il-vapuri tal-Gozo Channel.
Staqsa wkoll jekk saret it-talba, x’kienet u minn min saret, kif ukoll x’reazzjoni tat Transport Malta u għal kemm żmien intlaqgħet din it-talba. Iżda filwaqt li l-Ministru Joe Mizzi qal li Transport Malta ma rċeviet l-ebda talba, il-Ministru Anton Refalo qal li t-talba saret mill-Gozo Channel għal eżenzjoni ta’ waħda mir-rescue boats għal perjodu ta’ ftit ġimgħat sakemm jissewwew il-ħsarat li nqalgħu.
Sadanittant, rapporti oħrajn li waslu għand MaltaRightNow.com jgħidu li waqt vjaġġi bil-vapuri bejn Malta u Għawdex, waqt li jkun hemm il-karozzi u passiġġieri, qed jsir xogħol bl-aċitilena. Dan normalment mhux permess għax jista’ jkun ta’ periklu għall-passiġġieri. MaltaRightNow.com qed jinvestiga min qed jawtorizza dawn ix-xogħolijiet meta l-vapur ikun bil-vetturi u l-passiġġieri fuqu.
//= $special ?>