Lokali Parlament

Il-Gvern b’cover-ups ukoll għall-falliment fl-enerġija

Il-proġett qiegħed jinbidel mill-pjan imwiegħed qabel l-elezzjoni u li l-Gvern ma jistax jimplimenta

Il-Gvern ta’ Muscat u tal-Ministru tiegħu responsabbli mill-enerġija Konrad Mizzi, se jibqa’ msemmi għall-cover-up li qed jagħmel għall-istrateġija tal-enerġija li ma’ kull jum qed jikber il-ħabi u n-nuqqas ta’ trasparenza.

Dwar il-cover-ups tal-Gvern għas-settur ukoll tal-enerġija, tkellem fil-Parlament id-Deputat Nazzjonalista Tonio Fenech, li qal li l-wegħda ewlenija tal-Gvern ta’ Muscat li jibni power station f’sentejn sa Marzu li ġej, kienet ukoll marbuta mal-karriera politika ta’ Muscat, bil-gvern jinqabad jgħaqad u jdur bil-kliem li hu on track u jistrieħ biss fuq ir-roħs tal-kontijiet mingħajr ma jgħid kif qed iwettaq dan.

Tonio Fenech qal li l-Gvern issa qed jgħid li l-wegħda kienet li jixtri l-gass u mhux li jibni power station fi żmien sentejn. Qal li d-dokument li ppreżenta l-Partit Laburista kien li tinbeda l-power station ta’ 200MW bit-tankijiet fuq l-art. Iżda llum, qal Tonio Fenech, il-Gvern qiegħed jagħmel cover-up u jbiddel il-fatti għar-raġuni li l-proġett qed jinbidel minn dak li wegħdu.

Staqsa jekk hux qed iqumu l-mistoqsijiet dwar il-bżonn ta’ din il-power station meta l-pajjiż se jkollu interconnector.
L-akbar problema li għandu l-Gvern hi li dak li ppjana u wiegħed, illum ma jistax iwettqu bil-prezzijet li kien tkellem dwarhom qabel l-elezzjoni.

Irrimarka wkoll li lanqas żamm mal-wegħdiet tiegħu li jżomm il-kontroll tal-Enemalta u jidher ukoll li t-tmexxija wkoll trid tgħaddi f’idejn iċ-Ċiniżi. Staqsa jekk hux qed jinbidlu l-kundizzjonijiet dwar dan il-proġett fin-negozjati li qed jagħmel maċ-Ċiniżi.

Fisser li ċ-Ċiniżi mhux lesti li jidħlu fi sħab mal-Gvern fi proġett kif iridu l-Gvern, u dan fid-dawl ukoll ta’ proġett li m’għandniex bżonn, u tal-prezzijiet li qed jorħsu fis-suq internazzjonali.

Id-Deputat Nazzjonalista qal li fid-dawl tat-telf kbir li qed tagħmel l-Enemalta, l-uniku soluzzjoni tal-Gvern hi li tinbiegħ liċ-Ċiniżi wara li l-Gvern ġie daharu mal-ħajt.

Appella lill-Gvern biex jippubblika r-rapporti finanzjarji tal-Enemalta tal-aħħar snin.

Appella wkoll lill-Gvern jerfa’ r-responsabbiltà politika, jieqaf jagħmel il-cover-ups, jippubblika l-ftehim kollha, jieqaf jgħaffeġ u jbiddel ir-rotta u jkompli bil-pjan ibbażat fuq l-interconnector u bl-impjant tal-BWSC.