Mistoqsijiet dwar jekk il-Labour ħebiex il-pjan alternattiv għall-enerġija fil-kampanja elettorali għax ma kienx jaqbillu jressaq il-pjan maċ-Ċiniżi
Il-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni għall-Ħidma fil-Parlament Mario de Marco qal li l-investiment mill-kumpanija tal-Istat Ċiniż Shangai Electric qed isir għaliex il-kumpanija tagħraf il-potenzjal u l-opportunità ta’ investiment fl-impjant tal-BWSC li minn fabbrika tal-kanċer kif kien isejjaħlu l-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni, sar is-salvazzjoni tal-investiment Ċiniż għall-Gvern Laburista li falla fil-pjan li kellu tant li kellu jibdel il-pjan.
Dan hu kkonfermat ukoll bid-dikjarazzjoni tal-Ministru Mizzi li kien ikun irresposnabbli li kieku ma bbażax fuq din l-opportunità ta’ investiment mimll-istat Ċiniż.
Meta tkellem fil-Parlament waqt id-dibatitu dwar il-baġit tal-2015 għas-settur tal-enerġija, Mario de Marco fakkar li kien fit-tieni jum tal-kampanja elettorali li l-Partit Laburista kien ħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet ta’ sagħtejn, li kien se jibni power station f’sentejn.
Pjan b’numru ta’ wegħdi li għen ukoll lill-Partit Laburista jirbaħ l-elezzjoni għax ikkonvinċa lill-elettorat fuq dan il-pjan għall-qasam tal-enerġija skont l-istess Konrad Mizzi llum Ministru, kien “costed” u “doable”.
Fakkar ukoll li r-raodmap kienet tinkludi wkoll fost l-oħrajn li se jorħsu l-kontijiet tad-dawl bid-depożitu li kellha tħallas l-Electrogas ta’ €30 miljun, tinbeda power station ġdida, l-impjant tal-BWSC se jibqa’ tal-Gvern u jinqaleb għall-gass, li l-Enemalta mhix se tiġi privatizzata, u li ssir ħażna wkoll tal-gass fuq l-art, fost l-orarjn.
Fakkar ukoll li kien iddifenixxa l-impjant tal-BWSC bħala fabbrika tal-kanċer, u għalhekk kulħadd kien stenna li l-impjant tal-BWSC kien se jaqleb għall-gass jew għad-diesel.
Illum, qal Mario de Marco, ir-realtà turi li l-Gvern Laburista ma kienx qed jgħid il-verità u baqa’ ma jweġibx kif u għaliex baqa’ juża l-impjant tal-BWSC li l-Oppożizzjoni wkoll kienet temmen li għandu jinqaleb għall-gass għal raġunijiet ambjentali u mhux għax kien fabbrika tal-kanċer.
Fakkar ukoll li l-Partit Laburista kien ikkalkula li bl-impjant il-ġdid tal-power station, kien se jiffranka madwar €180 miljun, €80 minnhom għar-roħs fil-kontijiet.
Il-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni qal li mat-triq tar-roadmap inkisru numru sew ta’ wegħdi elettorali, fosthom li l-Enemalta mhix se tiġi privatizzata meta nafu llum li 30% tal-Enemalta u l-impjant tal-BWSC se jinbiegħu liċ-Ċiniżi.
Fisser li l-Gvern mhux isejjaħ dan bħala privatizzazzjoni fuq il-premessa li Shangai Electric hi proprjetà tal-Istat Ċiniż.
Sejjaħ dan ir-raġunar bħala kontradizzjoni u daħk fil-wiċċ, u staqsa għaliex ma saritx sejħa għall-offerti iżda minflok ftehim dirett max-Shangai Electric. Fakkar ukoll f’dak li qal il-Ministru Konrad Mizzi, li kien ikun irresponsabbli li jibqa’ għaddej bil-pjan tal-Labour quddiem il-proposta li kellu l-Gvern mix-Shangai Electric.
Mario de Marco qal li dan ifisser li l-ewwel pjan tal-Partit Laburista li bih rebaħ l-elezzjoni ma kienx l-aħjar u għandu pjan B ma’ Shangai Electric,li iżda baqa’ jżomm mistur mill-poplu li ma jafx x’inhu l-aħjar bejn pjan A u pjan B. Staqsa jekk il-Labour kellux il-pjan B mill-ewwel u ma kienx jaqbillu fil-kampanja elettorali jressaq il-pjan maċ-Ċiniżi.
Fakkar li dan kien gvern li ppriedka t-trasprenza u minkejja dan, ħalla lill-pajjiż u lill-poplu fl-għama dwar dak li kien qed jiġri fil-kuntratti u fid-diskusjonijiet li qatt ma kienu komunikata bħalma lanqas ma qal għaliex ma seħħx id-depożitu mwiegħed mill-konsorzju.
Mario de Marco ma qal li l-Gvern ma kienx wiegħed biss li jraħħas il-kontijiet iżda wkoll kif se jraħħas permezz tal-effiċjenza tat-tieni power station tal-Electrogas li kellha tiffranka €187 miljun fis-sena. Dan se jkun ifisser li mis-16 ta’ Marzu li ġej il-poplu se jkun qed itellef nofs miljun ewro kuljum mill-power station il-ġdida. Staqsa wkoll kif qed jiġi finanzjat ir-roħs li sar, u r-roħs li se jidħol fis-seħħ għan-negozji.
Filwaqt li qal li l-poplu jistħoqqlu spjegazzjoni dwar dan, il-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni qal li dan mhux dak li stenna l-poplu mill-Gvern li issa għandu jippubblika l-pjan kollu għall-enerġija u jiddiskuti mal-Oppożizzjoni qabel ma jiffinalizza l-ftehim. Dan għaliex dak li se jkun miftiehem se jorbot lill-gvernijiet futuri dwar is-settur tal-enerġija. Għandu jispjega wkoll minn fejn se jkun finanzjat ir-roħs u jfisser ukoll il-hedging agreements li għamel dwar il-fuel.
Filwaqt li rrimarka li issa m’aħnix fi żmien ta’ kampanja elettorali, Mario de Marco appella lill-Gvern jitlob skuża għall-wegħdi li ma żammx mal-poplu u għan-nuqqas ta’ informazzjoni li nħbiet mill-poplu.
//= $special ?>