Il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ministru Konrad Mizzi qed jużaw skuża biex jgħattu l-gideb u l-wegħdi fierha tagħhom. Il-fatt li l-Power Station mhux se tkun lesta sa Marzu li ġej mhux relatat man-negozjati tal-Gvern Malti mal-Gvern Ċiniż, tant li n-negozjati mal-Gvern Ċiniż ilhom għaddejjin minn Settembru 2013, filwaqt li l-Gvern baqa’ jinsisti li l-proġett tal-Powerstation il-ġdida kien on track sa Ġunju li ġej.
Dan qalu l-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Parlament Mario de Marco f’konferenza tal-aħbarijiet ftit wara li l-Ministru Konrad Mizzi, fil-Parlament, kellu jgħati d-dettalji ta’ meta se jibda u jispiċċa l-bini tal-PowerStation il-ġdida. Dan wara li l-Prim Ministru stess ammetta li falla l-mira u l-wegħda tiegħu li din il-Power Station tkun inbniet u bdiet titħaddem sa Marzu li ġej.
Mario de Marco rrefera għal dak li qal il-Ministru Konrad Mizzi, u sostna li bi kliemu, Mizzi aktar qed joħloq inċertezza milli ċertezza. Dan minħabba l-fatt li Mizzi, fil-Parlament, uża l-kliem “il-Gvern jistenna li”. Id-dikjarazzjoni ta’ Mizzi hija konferma wkoll ta’ kemm Muscat kien qed jigdeb fit-12 ta’ Ottubru li għadda meta qal li l-bini tal-Powerstation se jittardja biss “with a couple of months”.
Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għamel ukoll numru ta’ mistoqsijiet dwar l-iffinanzjar tat-traħħis fil-kontijiet sa Ġunju 2016. “Skont il-kalkoli tal-Ministru Mizzi, fi 15-il xahar, suppost, l-Enemalta kellha ddaħħal €234 miljun mill-PowerStation il-ġdida. Dan ifisser li kważi l-investiment kollu li għandu jagħmel il-Gvern Ċiniż se jmur biex jiġu ffinanzjati dawk il-€234 miljun li se jintilfu minħabba li l-Powerstation mhux se tkun lesta sa Marzu li ġej?” staqsa Mario de Marco.
Mario de Marco qal li l-Gvern ma kienx ċar jekk hux se jintrabat li jixtri l-elettriku kollu mingħand l-Electrogas anke jekk ma jkunx hemm bżonnu u anke jekk ikun qed jinbiegħ bi prezz għola minn dak li jista’ jinxtara permezz tal-interconnector.
Hu reġa’ għamel appell biex il-Gvern jippubblika l-kuntratt li ffirma mal-konsorzju Electrogas, u anke l-ftehim li ffirma mal-Gvern Ċiniż.
Għall-konferenza tal-aħbarijiet attendew ukoll il-Kelliem għall-Enerġija u l-Konservazzjoni tal-Ilma George Pullicino u l-Kelliem għall-Finanzi Tonio Fenech.
//= $special ?>