Il-Malta Hospice Movement se jingħata l-Premju Ewropew għaċ-Ċittadin għall-2014 f’Malta, b’rikonoxximent għall-ħidma estensiva tiegħu fil-qasam tal-kura ta’ mijiet ta’ pazjenti u familji tul is-snin.
L-organizzazzjoni ġiet nominata għall-premju ta’ din is-sena mill-Membri Parlamentari Eworpej Maltin kollha flimkien, jiġifieri David Casa, Therese Comodini Cachia, Miriam Dalli, Roberta Metsola, Marlene Mizzi u Alfred Sant.
Din is-sena Hospice Malta qed tiċċelebra l-25 anniversarju tagħha. Mill-1989, għenet aktar minn 7,500 u l-familji tagħhom tul l-esperjenzi diffiċli li għaddew minnhom. Għall-Moviment Hospice din in-nomina tagħti lill-istaff u l-voluntieri kollha inċentiv akbar biex ikomplu jipprovdu servizzi tal-ogħla kwalità lill-pazjenti u l-familji tagħhom. Iċ-ċerimonja ta’ premjazzjoni se ssir f’Malta fis-6 ta’ Frar 2015.
Ta’ min jgħid li filwaqt li kull stat membru jagħżel lir-rebbieħ fuq livell nazzjonali, irid jiġi magħżul ir-rebbieħ fuq livell Ewropew, minn fost in-nominati kollha tal-istati membri tal-Unjoni Ewropea f’ċerimonja li se ssir fi Brussell fil-25 ta’ Frar.
//= $special ?>