F’Malta qed nesperjenzaw it-tielet cover up fi ftit jiem. Dan hekk kif l-iżviluppi dwar il-kaz tal-propjeta’ tal-Ministru Helena Dalli juru li l-MEPA qed taħbi l-irregolaritajiet li qed isiru.
Qal dan il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Ryan Callus waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-bini tal-MEPA fil-Furjana.
Hu fakkar kif 48 siegħa wara storja ppublikata fil-mument ta’ nhar il-Ħadd li għadda, il-MEPA għadha ma rrispondietx dwar il-file li jirrigwardja il-każ tal-propjeta’ tal-Minsitru Helena Dalli… liema file għosfor minn fuq is-sit tal-MEPA stess.
Fid-dawl ta’ dan staqsa x’inhu l-iskop li l-MEPA għandha Kap Eekuttiv li jaqla’ mas-60,000 ewro meta fi 48 siegħa din l-awtorita’ għadha ma weġbitx għal rapport serju bħal dan.
Dan għaliex it-tneħħija ta’ dan il-file jfisser ksur tal-liġi tal-Konvenzjoni Aarhus li tiggarantixxi d-dritt tal-informazzjoni dwar l-ambjent. Hu għalhekk li l-Oppożizzjoni ressqet talba biex il-Kummissarju tal-Ambjent fi ħdan l-Uffiċċju tal-Ombudsman, il-Perit Pace jinvestiga dan il-każ.
Ryan Callus fakkar li Jason Desira, li suppost se jixtri l-propjeta’, kien qal li se jippublika l-konvenju. Madankollu issa għaddew ġimgħat u l-konvenju għadu mhux ippublikat.
U fil-ġurnali tal-Ħadd ħareġ li kien ir-raġel tal-Ministru Helena Dalli, Patrick Dalli, li waqqaf il-pubblikazzjoni tal-ftehim tal-bejgħ tal-propjeta’. Dan meta l-istess Minsitru Dalli kienet qalet lill-ġurnalisti li diġa’ ppublikatu.
Iktar minn hekk, hemm it-taħwid dwar jekk hux qed isir xogħol f’din il-propjeta’ u minn min.
Dak li għandu jkun is-sid il-ġdid, Jason Desira, kien qal li x-xogħol qed isir minnu. Anke’ l-Prim Ministru u l-koppja Dalli qalu li qed isir xogħol mis-sid il-ġdid. Madankollu, minn naħa l-oħra l-MEPA, fi stqarrija qalet li ma sar l-ebda xogħol fuq din il-propjeta’.
//= $special ?>