Lokali Parlament

Il-PM għandu jerfa’ r-responsabbiltà politika fil-każ tal-Ministru Manuel Mallia

Aġġornata bit-tweġiba tal-Prim Ministru

Erba’ proposti mill-Kap tal-Oppożizzjoni biex jiġġieldu l-kultura ta’ ggvernar ħażin li daħħal il-PM Muscat

Il-Kap tal-Oppożizzjoni appella lill-Prim Ministru Muscat jerfa’ r-responsabbiltà politika u jiddikjara r-rwol li kellu l-uffiċċju tal-Prim Ministru fil-cover-up tal-isparatura li saret mix-xufier tal-Ministru Mallia.

Meta tkellem fil-Parlament fid-dibattitu dwar ir-responsabbiltajiet li jaqgħu taħt l-uffiċċju tal-Prim Ministru, Simon Busuttil qal li hu skandlu kif il-Gvern mhux qed jitkellem u waqa’ fil-muta dwar dan l-inċident.

Staqsa x’kien ir-rwol tal-uffiċċju tal-PM fil-ħruġ tal-istqarrija li ħarġet tard filgħaxija dakinhar tal-inċident, u li nkitbet, mill-Uffiċjal responsabbli mill-Komunikazzjoni fl-Uffiċċju tal-PM, Kurt Farrugia.

Irrimarka li l-Gvern ħareġ stqarrija b’informazzjoni skorretta, żbaljata u qarrieqa sagħtejn u kwart wara fuq każ serju ta’ sparatura li fiha kienet involuta karozza ta’ Ministru.

Simon Busuttil qal li l-Oppożizzjoni tkompli ssaħħaħ il-fehma li dan hu każ ta’ cover up għaliex il-Gvern baqa’ fil-muta quddiem żviluppi li kienu żvelati fil-media fl-aħħar ġranet.

Irrimarka li l-karozza tal-vittma tneħħiet mill-post tar-reat immedjatament meta qatt ma kellha tintmiss ix-xena tar-reat.
Lanqas gun shot residue test ma sar biex jiġu eżaminati l-isparaturi li seħħew fil-każ. L-iskrataċ ukoll tneħħew minn fuq ix-xena tar-reat.

Staqsa wkoll jekk il-vittma hux veru Skoċċiż għaliex min kien xhieda tal-inċident qal li l-vittma nstema’ jitkellem bil-Malti. Staqsa jekk hu Malti għalfejn intqal li l-vittma hi Skoċċiż.

Simon Busuttil qal li l-Gvern għadu ma qalx il-verità u qed jibqa’ jinħeba wara nkjesta f’każ li fih wisq taħwid.

Staqsa wkoll fuq ir-rwol tal-Kummissarju tal-Pulizija; jekk tkellimx ma’ xi ħadd; jekk tkellimx max-xufier tal-Ministru jew jekk tkellimx mal-Ministru Mallia u ma’ Kurt Farrugia.

Hawn ukoll, qal Simon Busuttil, il-fatti kif aġixxa l-Gvern jippreżentaw sħaba skura ħafna li tqajjem mistoqsijiet dwar ir-rwol tal-Kummissarju tal-Pulizija.

Il-Gvern ukoll irid jispjega x’kien ir-rwol tal-Ministru Mallia dwar dan il-każ; meta sar jaf u x’kien ir-rwol tiegħu; u jekk tkellimx max-xufier li llum hu akkużat b’attentat ta’ qtil; u jekk kellmu x’qallu.

Quddiem il-kwistjoni ta’ kultura ta’ ggvernar ħażin li daħħal il-Gvern tal-Prim Ministru Muscat, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil ressaq erba’ proposti biex il-Gvern ikun f’pożizzjoni li jiġġieled il-klijenetliżmu, in-nepotiżmu, l-abbuż ta’ poter, u li jkun hemm l-iskrutinju tal-imġiba tal-politiċi minn Kummissarju Parlamentari dwar l-Imġiba Xierqa fil-Ħajja Pubblika.

Simon Busuttil qal li l-Oppożizzjoni se tkun qed tippreżenta dawn il-proposti fid-dettal biex turi li kapaċi tressaq politika għal iggvernar tal-pajjiż aħjar minn dak li qed jiggverna l-Prim Ministru llum li l-kredibbiltà tiegħu bdiet tiġi ddubitata quddiem l-imġiba li wera fil-każ ta’ sparatura ta’ xufier ta’ Ministru responsabbli mill-pulizija, mill-ordni pubblika u mis-sigurtà nazzjonali.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-propsoti huma ntiżi biex niġġieldu l-klijenteliżmu b’riforma fl-amministrazzjoni pubbliku biex min għandu dritt jieħdu u ma nibqgħux f’sitwazzjoni li persuna tiddependi mill-Ministru.

It-tieni proposta hi biex niġġieldu n-nepotiżmu bi skrutinju parlamentari tal-ogħla ħatriet ewlenin fil-pajjiż b’sistema li l-ħatriet jgħaddu mill-għarbiel tal-Parlament.

It-tielet proposta taħseb biex niġġieldu l-abbuż ta’ poter billi niżguraw l-indipendenza tal-awtoritajiet u l-isituzzjonijiet tal-pajjiż biex ma jkunx ripetut il-mod kif il-MEPA ddefendiet lill-Ministru Helena Dalli.

Ir-raba’ proposta biex ikun hemm skrutinju fuq l-imġiba tal-politiċi kif qed jagħmlu membri tal-Gvern f’din il-leġiżlatura u jittwaqqaf Uffiċċju tal-Kummissarju Parlamentari dwar l-Imġiba xierqa fil-ħajja Pubblika.

Dan huma proposti li jixhdu l-impenn tal-Kap tal-Oppożizzjoni, u li fil-Parlament Simon Busuttil sfida lill-Prim Ministru jimplimenta hu dawn l-erba’ proposti.

L-Oppożizzjoni qed tistenna li l-Minsitru Mallia jerfa’ r-responsabbiltà politika għax hu responsabbli mill-pulizija u mill-buon ordni tal-pajjiż, u mis-sigurtà nazzjonali.

Raġuni oħra għaliex il-Ministru Mallia għandu jerfa’ r-responsabbiltà politika hi għaliex kien hemm numru ta’ elementi ta’ cover-ups mill-Gvern.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni fisser li bħalma Muscat inħeba wara ċ-Ċiniżi meta ma żammx il-wegħda tiegħu dwar il-bini ta’ power station, fil-każ tal-isparatura qed jinħeba wara l-inkjesta.

Fisser li hi tal-mistħija d-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru li l-Ministru Mallia m’għandux jirriżenja għal 15-il ġurnata sakemm titlesta l-inkjesta. Simon Busuttil fisser din id-dikjarazzjoni bħala turija li l-Prim Ministru diġà jaf il-konklużjonijiet tal-inkjesta.

Simon Busuttil qal li dawn huma proposti li jixhdu politika tal-Oppożizzjoni li qed tinbena fuq l-onestà.

Ma jwieġeb xejn dwar ir-responsabbiltà tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru

Joseph Muscat ma wieġeb xejn dwar x’responsabbiltà u x’sehem kellu l-Uffiċċju tal-Prim Ministru fl-istqarrija ppubblikata sagħtejn wara l-każ tal-isparatura mix-xufier tal-Ministru Manwel Mallia fil-Gżira.

Minflok wieġeb għas-sensiela ta’ mistoqsijiet li sarulu mill-Kap tal-Oppożizzjoni biex jispjega l-aġir tal-Uffiċċju tiegħu, il-Prim Ministru akkuża lill-Kap tal-Oppożizzjoni li għamel attakk fuq il-ġudikatura.

F’intervent fi tmiem id-diskussjoni dwar il-voti tal-Ministeru tal-Prim Ministru, Joseph Muscat irrefera għall-kummenti li saru minn Simon Busuttil dwar il-każ tax-xufier tal-Ministru Manwel Mallia. Hu qal li lest jerfa’ r-responsabbiltà u mhux se jiddejjaq jieħu d-deċiżjonijiet li hemm bżonn.

Il-Prim Ministru qal li hu lest joqgħod għal kull deċiżjoni tal-inkjesta u stieden lill-Kap tal-Oppożizzjoni biex jagħmel l-istess dikjarazzjoni. Hu rribatta l-akkuża tal-Kap tal-Oppożizzjoni li bl-aġir tiegħu bħala Prim Ministru kien qed jinkoraġixxi aġir bħal dak tax-xufier tal-Ministru Mallia.

Joseph Muscat qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni reġa’ kien negattiv u akkuża lil Simon Busuttil b’diskors goff u filwaqt li qal hu mhux se jkun bħalu, iddeskriva l-kritika tal-Kap tal-Oppożizzjoni bi kliem goff u b’ton agressiv.

Għad-domandi dwar il-bini tal-power station, il-Prim Ministru qal li l-Ministru Konrad Mizzi diġà rrisponda għall-mistoqsijiet li saru. Hu qal li l-Ministru spjega li dak li l-Kap tal-Oppożizzjoni qal li huma sussidju, fil-fatt ma humiex hekk. Dawk huma obbligazzjonijiet li Malta hi marbuta bihom mill-UE.

Joseph Muscat qal li fis-sejħa li saret biex ikun provdut elettriku lil Malta permezz tal-interconnector, ir-rati huma ogħla minn dawk li se tkun qed tipproduċi l-Enemalta. Bil-ftehim maċ-Ċina, il-Gvern se jkun qed inaqqas nofs id-dejn tal-Enemalta, qal Joseph Muscat.