Ambjent Lokali Parlament

L-Enemalta titlob lill-MEPA tnaqqsilha l-penali

Turija ta’ stat ta’ paniku tal-Gvern u tal-istat finanzjarju li tinsab fih l-Enemalta

It-talba tal-Enemalta lill-MEPA biex jitnaqqsu b’terz il-penali li dovuta tħallas fuq il-power station tal-Marsa b’rabta mal-ksur tar-regolamenti tal-UE, tfissret mid-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus bħala turija ta’ stat ta’ paniku tal-Gvern u tal-istat finanzjarju li tinsab fih l-Enemalta.

Id-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus, Kelliem għall-Ippjanar u s-Simplifikazzjoni tal-Proċessi Amministrattivi, qal fil-Parlament li kieku l-Enemalta hi fuq saqajha, ma kienx hemm il-bżonn li ssir it-talba biex jitnaqqsu l-penali kontra l-Enemalta.

Staqsa jekk dan hux riżultat ukoll tal-kappara ta’ €30 miljun li ma ngħatatx l-Enemalta; li l-pjan hu off track u jekk hux dan sinjal ta’ paniku kif il-Gvern jiffinanzja l-kontijiet ta’ roħs tad-dawl.

Id-Deputat Nazzjonalista qal li ma qabilx ma’ din il-proposta minħabba li ċ-ċittadin komuni li għandu jagħti l-penali lill-awtoritajiet mhux se jnħafrulu, u għaldaqstant għall-Enemalta m’għandux ikun hemm triq differenti. Ryan Callus saħaq li l-flus li għandhom jingħataw mill-Enemalta lill-MEPA għandhom jingħataw kollha.

Ryan Callus qal li dan hu gvern li jaċċella fix-shows u dan għaliex meta kien żvelat li l-Prim Ministru mhux se jżomm mal-wegħda tiegħu, il-Ministru Mizzi prova jagħmel cover-up bl-idea li jiddevja minn din il-wegħda miksura billi jibda jwaqqa’ taparsi l-power station tal-Marsa.

Ix-show li għamlu bil-media, qal id-Deputat Nazzjonalista, kien biss twaqqigħ ta’ kamra fil-Marsa li kienet ilha vojta għal żmien twil. Show li qal tfakkar fil-konferenza tal-aħbarijiet tal-Prim Ministru meta raħħas il-petrol b’2ċ.

Ryan Callus saħaq li l-għeluq tal-power station tal-Marsa tista’ ssir minħabba l-proġett tal-interconnector u l-estensjoni tal-impjant tal-BWSC – deċiżjonijiet li ttieħdu mill-Gvern Nazzjonalista u li l-Partit Laburista ma kellu ebda sehem.

Semma wkoll il-wegħda tal-meritokrazija meta rrifera għat-transfers li saru fl-Enemalta fuq raġuni li mhumiex kompatibbli mat-tim. Sejjaħ dan bħala tal-mistħija wara l-għajta tal-meritokrazija u ta’ Malta Tagħna Lkoll.

Irrimarka wkoll li hu l-impjant tal-BWSC li qiegħed jiffinanzja r-roħs tal-kontijiet li qed jiffranka €1 miljun fil-ġimgħa, u €52 mijlun f’sena li lanqas mhuma jgħaddu kollha lill-poplu.

Appella wkoll biex il-Gvern jippreżenta l-istudju dwar l-impatt ambjentali li kien wiegħed l-għada li l-MEPA approvat il-proġett tal-power station il-ġdida.

Ryan Callus qal li kieku l-Ministru Konrad Mizzi kien project manager ma’ kumpanija privata, kien itir mill-kumpanija u mhux jibqa’ jagħmel il-wegħdi li ma nafux fejn se jaslu.

Appella lill-Gvern jippubblika l-ftehim kollha dwar dan il-proġett u li jagħti d-dawl lid-dlamijiet tal-mistoqsijiet dwar il-pjan tal-Gvern għall-enerġija.