Sport Sport Ieħor

L-Olimpjadi tax-Xitwa u t-Tazza tad-Dinja mhux se jaħbtu flimkien

Il-President tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali (KOI) Thomas Bach insista li mhux se jkun hemm konfront bejn l-Olimpjadi tax-Xitwa u t-Tazza tad-Dinja fil-Qatar tal-2022.

Jannar u Frar qed ikunu kkunsidrati bħala d-dati għat-turnament tal-futbol minħabba s-sħana tremenda tas-sajf fil-Qatar.

Il-President tal-KOI Bach qal li ngħata kelma mingħand il-President tal-FIFA Sepp Blatter li “mhux se jkun hemm konfront”.

“M’ġħandi l-ebda raġuni għalfejn m’għandix nemmnu. Għamilha ċara ħafna li mhux se jkunu qed jaħbtu flimkien.”

Ix-xahar l-ieħor waqt taħdidiet fil-kwartieri tal-FIFA fi Zurich kien hemm appoġġ li t-turnament isir f’Jannar jew Frar inkella f’Novembru jew Diċembru.

Madnakollu Bach qal li “ma jkunx hemm rebbieħ” jekk l-Olimpjadi tax-Xitwa u t-Tazza tad-Dinja fil-Qatar tal-2022 ikunu fl-istess żmien.

“Jekk ikunu flimkien ikun ħażin ħafna għall-udjenza internazzjonali li jkollha żewġ programmi sportivi maġġuri mxandra madwar id-dinja u għalhekk l-opinjoni pubblika tkun maqsuma. Anke għall-isponsor ma jkunx tajjeb għaliex hemm xi wħud li huma sponsors tal-FIFA u tal-KOI u biex imexxu dawn iż-żewġ programmi fl-istess żmien ikun diffiċli ħafna u għalhekk fl-aħħar mill-aħħar ma jkunx hemm rebbieħ. L-atleti u l-plejers żgur ma jkunux qed jingħataw l-attenzjoni li jixirqlihom.”

Bach kien qed jitkellem qabel ittieħed il-vot dwar il-programm tiegħu ta’ riforma Aġenda 2020 li hu mmirat li jimmodernizza l-Olimpjadi.

Hu jrid li l-logħob isir aktar affordabbli u jinkoraġġixxi aktar flessibilità dwar il-kandidaturi u l-għażla tal-isport.

Meta mistoqsi għalfejn l-Olimpjadi tax-Xitwa ma jistgħux jiċċaqilqu biex it-Tazza tad-Dinja ssir f’Jannar u Frar, Bach qal li mossa bħal din tkun “diffiċli ħafna, ħafna biex issir.”

“Id-dati tagħna huma ċari. Ninsabu kommessi mal-organizzaturi futuri u partikolarment għall-Olimpjadi tax-Xitwa trid tadatta għall-kundizzjonijiet tat-temp f’pajjiż u għalhekk m’hemmx spazju fejn wieħed jiċċaqlaq,” qal Bach