Bħal-lum 25 sena ilu, intemm f’pajjiżna s-Summit storiku bejn il-President Amerikan George Bush u l-President Sovjetiku Mikhail Gorbachev, li temm il-Gwerra Bierda. Is-Summit ta’ 25 sena ilu wassal biex id-dinja tħalli epoka u tidħol f’oħra, bil-President Sovjetiku kien qal li minn dakinhar bdiet triq twila għal era ta’ paċi. Gorbachev sostna li t-theddid tal-forza, kif ukoll ġlied psikoloġiku u ta’ ideoloġiji għandhom isiru xi ħaġa tal-passat.
Għall-wegħda tal-President Sovjetiku li r-Russja mhu se tibda qatt xi gwerra oħra mal-Istati Uniti, min-naħa tiegħu l-President George Bush kien qal li permezz tas-Summit f’Malta, iż-żewġ mexxejja kienu bdew proċess twl ta’ paċi b’titjib fir-relazzjoni bejn iż-żewġ naħat u koperazzjoni fit-tul.
Ir-rwol ta’ Malta bħala protagonist f’din il-kisba kienet enfasizzata waqt attività fl-Iskola ta’ Birżebbuġa, li għaliha attendew il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca, il-President Emeritus u Prim Ministru ta’ Malta fl-1989 Eddie Fenech Adami, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, il-Ministru Owen Bonnici, Deputati u l-Ambaxxattriċi Amerikana għal Malta Gina Abercrombie-Winstanley.
Il-Pesident ta’ Malta qalet li fis-Summit, id-dinja kollha ħarset lejn Malta bħala l-pajjiż fiċ-ċentru tat-tmiem ta’ Gwerra Bierda bejn żewġ superpotenzi ta’ dak iż-żmien. Coleiro Preca qalet li fis-Summit, Malta qdiet l-istess rwol favur il-paci u s-sewwa bħalma għamlet fl-Assedju l-Kbir tal-1565, kif ukoll fl-Ewwel u t-Tieni Gwerra Dinjija.
Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni tkellem dwar il-messaġġ li l-kisba tal-paċi dinjija għandha għall-ġenerazzjonijiet futuri, filwaqt li poġġa t-tmiem tal-Gwerra Bierda u l-kisba tal-paċi fl-isfond tal-mod kif din wasslet biex l-pajjiżi Ewropej ingħaqdu bejniethom. Simon Busuttil tkellem dwar l-importanza tal-paċi. Qal li kulħadd irid jiftakar kemm hu diffiċli biex tinkiseb il-paċi u kemm hu faċli li din tintilef.
Il-Ministru Owen Bonnici rrikonoxxa l-ħidma li wettaq Eddie Fenech Adami bħala Prim Ministru ta’ Malta tul is-Summit u faħħar il-mod kif il-pajjiż ġab ruħu b’mod tajjeb matul dak il-perjodu tant delikat. Bonnici qal li minbarra l-kontribut tal-Presidenti Bush u Gorbachev, il-pajjiż għandu jirrikonoxxi wkoll il-konribut tal-Prim Ministru Malti Eddie Fenech Adami.
//= $special ?>