Lokali Qorti

40 sena ħabs wara li qatel lil kunjata u fera lis-sieħba tiegħu

Clive Farrugia ta’ 29 sena minn Bormla ġie kkundannat 40 sena ħabs wara li ammetta minflok għadda ġuri li aktar minn ħames snin ilu qatel lill-eks kunjata, Maria Theresa Vella ta’ 62 sena minn Bormla b’diversi daqqiet ta’ sikkina.

Il-Qorti qieset li l-akkużat baqa’ jagħti fastidju lil bint il-vittma li kienet temmet ir-relazzjoni minn miegħu u li l-qtil seħħ quddiem ibnu stess li kellu biss sentejn u nofs.

Fit-8 ta’ Mejju, 2009, il-ħemda fi Triq San Lazzru Bormla kienet inkissret b’għajjat u biki wara li ż-żjara minn Clive Farrugia fid-dar tal-eks maħbuba tiegħu biex jara lil binhom ta’ sentejn u nofs, intemmet fi traġedja.
Fil-Qorti, Clive Farrugia ammetta li qatel lil Mary Grace Vella ta’ 62 sena fid-dar tagħha b’10 daqqiet ta’ sikkina f’dahra, wiċċha u spallejha fost l-oħrajn.

Il-vittma mietet meta ppruvat twaqqaf lil Farrugia milli jkompli jagħti daqqiet ta’ sikkina lil bintha Mary Grace Vella li kienet temmet ir-relazzjoni miegħu u bdiet relazzjoni ma’ raġel ieħor. Madamnkollu, fil-Qorti intqal li Clive Farrugia baqa’ ossessjonat fuq Mary Grace tant li ma kienx qed iħalliha bi kwietha.

Fis-sentenza tiegħu l-Imħallef Michael Mallia kkunsidra li l-qtil seħħ wara li l-akkużat baqa’ ossessjonat fuq bint il-vittma, Mary Grace Vella li kienet temmet ir-relazzjoni miegħu u bdiet tiltaqa’ ma’ persuna oħra. Mir-relazzjoni ma’ Clive Farrugia kienet twieled tifel li dakinhar tad-delitt ra lil nanntu tinqatel b’diversi daqqiet ta’ sikkina li l-akkużat kien ġab miegħu waqt il-ħin allokat biex jara lill-ibnu.

Ħareġ li Farrugia, li kien għadu interessat f’Mary Grace minkejja li r-relazzjoni bejniethom kienet intemmet, madwar siegħa biss wara li kien qed jilgħab ma ibnu u kien sarlu l-ħin biex jitlaq, avviċina lil Mary Grace Vella sabiex jagħnnaqha fejn hi talbitu sabiex ma jagħnnaqiex u ppruvat tfehmu li bejniethom kien spiċċa kollox.
F’daqqa waħda ħareġ sikkina li kien qed iġorr fil-basket tiegħu u,beda jagħtiha diversi daqqiet biha fuq ġisimha kollu, partikolarment f’saqha, fuq sidirha, fuq wiċċha, idejha u saqajha. Irriżulta li kienet qalgħet 28 daqqa b’din is-sikkina.

Fil-ħin tal-aggressjoni kien hemm omm Maria Theresa Vella u Joseph Vella, ħu l-vittma, li kien membru tal-Korp tal-Pulizija u li dak il-ħin kien rieqed fil-kamra tiegħu, ntervjenew sabiex jassistu lil Mary Grace Vella u dan billi ppruvaw jikkontrollaw lil Clive Farrugia filwaqt li jiddefendu lill-vittma. Wara li Joseph Vella rrnexxielu jikkontrolla lil Clive Farrugia, Mary Grace, ittieħdet immedjatament l-isptar wara li ġiet imsejjħa l-ambullanza fejn effettivament kienet iċċertifikata li kienet fil-periklu tal-mewt.

Madankollu grai għall-kura ta’ ħuha Joseph Vella u ta’ ommha Maria Theresa Vella kif ukoll għall-kura li ngħatawlha l-isptar, Mary Grace Vella ma tilfitx ħajjitha. Clive Farrugia ammetta wkoll li waqt li kien qed jagħmel reat kellu fuq il-persuna tiegħu arma u dan mingħajr għan leġittimu.

Huwa ammetta wkoll li kellu fil-pusses tiegħu sikkina mingħajr liċenzja tal-Kummissarju tal-Pulizija. Mill-provi kien irriżulta wkoll li l-istorbju kif ukoll il-biki tat-tifel iz-zghir qajjem lis-Surgent Vella, li nizel isfel u faqa’ l-bieb tal-kamra.

Kif daħal sab xena makabra quddiemu b’ommu mitluqa għal mewt, oħtu feruta gravi u n-neputieh jibki mimli demm li tar minn nanntu u ommu. Kien l-intervent f’waqtu tas-Surġent Joseph Vella salva l-ħajja ta’ Mary Grace u binha. Kif Farrugia sab lis-Surġent ma’ wiċċu dar ukoll ghal fuqu u xejjirlu diversi daqqiet. It-taħriġ li għandu s-Surġent Vella swielu sew u b’xi mod irnexxielu jeħles minn daqqiet gravi għalkemm xorta intlaqat mill-aggressur u sofra xi ġrieħi.

Biex jiddefendi lill-qraba tiegħu s-Surgent kellu juża forza raġonevoli fuq Farrugia wara li baqa’ jirreżisti minkejja li l-membru tal-Korp wissieh li huwa Pulizija. Fil-konfużjoni u biex irrażnu, Farrugia sofra xi ġrieħi gravi f’rasu. Minkejja li kien ferut, is-Surġent Vella ġab lil Farrugia taħt kontroll u permezz tal-manetti tas-servizz rabatlu jdejh u żammu sakemm waslet l-assistenza. Għal Farrugia deher l-Avukat Malcolm Mifsud filwaqt li għall-familjari tal-vittmi deheru l-Avukati Arthur Azzopardi u Kathleen Grima.