Lokali Parlament Saħħa

Appell lill-Gvern biex ma joħloqx diskriminazzjoni u jisma’ mill-professjoni medika

Kumpanija mwaqqfa mill-Gvern fis-settur tas-saħħa f’kuntratt ma’ kumpanija ta’ sitt konsulenti li jaħdmu f’Mater Dei

L-Oppożizzjoni appellat lill-Gvern jisma’ lill-professjoni medika u ma joħloqx diskriminazzjoni fost il-professjonisti fl-Isptar Mater Dei bil-mod kif qed jindirizza l-problema tal-waiting list tal-operazzjonijiet meta waqqaf mekkaniżmi li ħolqu kumpanija tal-gvern li ftehmet ma’ kumanija privata ffurmata minn sitt konsulenti li jaħdmu wkoll fl-isptar Mater Dei biex isiru l-operazzj onijiet fil-Ħdud.

Id-Deputat Nazzjonalista Claudio Grech, għamel dan l-appell meta fil-Parlament irrifera għall-problema marbuta mal-waiting lists fl-out-patients u fl-operazzjonijiet.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa irrifera fid-dibattitu tal-Baġit dwar is-saħħa, għall-miżura mħabbra fil-baġit ta’ public private partnership biex isiru operazzjonijiet ta’ hip u knee replacements. Jirriżulta iżda, li r-reazzjoni tal-professjoni medika kienet negattiva għal din il-proposta. Staqsa jekk dan hux korrett u talab lill-Gvern jispjega.
Claudio Grech qal li jiirriżulta li l-Gvern għamel kumpanija tiegħu mmexxija mill-uffiċjali għolja fil-qasam tas-Saħħa u fil-Minsiteru, li daħlet fi ftehim ta’ sena mal-kumpanija Malta Orthopedic Cosultancy Servies, immexxija minn sitt konsulenti li jaħdmu wkoll fl-Isptar Mater Dei, biex isiru mal-150 operazzjoni tul dan il-kuntratt, meta l-waiting list hi ta’ madwar 5,000 każ.

Staqsa għaliex il-Gven m’użax il-ftehim kollettiv eżistenti li jaħseb ukoll għal operazzjonijiet li jsiru l-Ħadd, kif se jsiru fil-kuntratt miftiehem mal-privat.

Ikkritika li dan hu kuntratt tal-Gvern ma’ konsulenti tal-Gvern stess. Għalkemm għandna naħdmu biex jitnaqqsu l-waiting lists, appella biex ma noħolqux inizjattivi ta’ konfront bejn il-ħaddiema u l-professjonisti nfushom li ma jwassalx għal titjib fis-servizzi tas-saħħa.

Fisser li l-ftehim kollettiv eżistenti hu ċar biex jaħseb kif isiru aktar operazzjonijiet, u kif ukoll isir il-ħlas. Appella lill-Gvern jisma’ lill-professjoni medika u ma jiddaħħlux mekkaniżmi li joħolqu diskriminazzjoni bejn professjoni u oħra. U dan biex ma jintbagħatx il-messaġġ li sitwazzjoni ta’ wating list tkun indirizzata b’mod different u li taġevola xi professjoni.
Claudio Grech, Kelliem għas-saħħa, qal li l-Baġit kellu aspirazzjonijiet kbar iżda dawn ma ntlaħqux, u kellhom risposta fjakka kemm mil-lat finanzjarju kif ukoll fis-sustanza tad-diskors tal-Baġit b’nuqqas ta’ koerenza strateġika. Mil-lat pożittiv semma l-kontinwazzjoni tal-pjani tal-Isptar tal-Onkoloġija.

Claudio Grech semma li l-aktar element inkwetanti fil-baġit hu l-fatt li mhux qed jagħti l-prijorità u l-importanza meħtieġa lil dan is-settur. Semma li żieda ta’ €29 miljun mhumiex marbuta ma’ investiment iżda mal-ispejjeż fil-pagi riżultat tal-ftehim kollettiv tal-2013.

Ikkritika u fisser bħala nkwetanti li matul l-2014 il-Gvern ma nvestiex €25 miljun tal-ispiża kapitali mis-€60 miljun allokati. Dan kompla bl-allokazzjoni għall-2015 meta l-baġit kapitali reġa’ niżel b’€27 miljun – tnaqqis ta’ 44%.
Inkwetanti wkoll il-mod kif il-Gvern alloka l-baġit għas-settur tas-saħħa, b’setturi ma jingħatawx importanza u oħrajn li bħal donnu l-ħsieb sar wara, ma kinux ippjanati u saru b’mod kosmetiku.

Tkellem dwar l-iffullar tal-pazjenti fl-Isptar Mater Dei u semma kif għadna naraw pazjenti li ma jirċivux il-kura meħtieġa b’dinjità. Semma li hemm madwar 100 każ soċjali fl-Isptar Mater Dei, u fisser li l-proposta ta’ investiment f’binja oħra biex jiżdiedu s-sodod mhix is-soluzzjoni għall-problema tal-pazjenti fil-kuruduri tal-Isptar.
Id-Deputat Nazzjonalista qal li wasal iż-żmien għal diskussjoni miftuħa fuq private health insurance biex fuq bażi volontarja n-nies jersqu lejn din il-polza volontarja biex jonqos il-piż fuq l-Isptar Mater Dei u s-servizz tas-saħħa jkun jista’ juża l-kapaċità kollha.

Ikkritika wkoll li fil-Baġit, il-Gvern m’għamel ebda riferenza għall-mozzjoni tal-Oppożizzjoni dwar id-drittijet tal-pazjenti.
Irrifera wkoll għall-qasam tas-servizzi ta’ riabilitazzjoni u rrimarka li l-Baġit ma jsemmi xejn dwar l-Isptar Karen Grech li joffri s-servizzi ta’ riabilitazzjoni. Hi sfortuna li f’Karen Grech in-numru ta’ long term beds qed jiżboq dak li hemm f’Mater Dei, li jfisser li hemm numru kbir ta’ pazjenti li m’għandhomx fejn imorru u jtellfu l-funzjoni ta’ sptar ta’ riabilitazzjoni li jwassal biex il-pazjent ikun integrati mill-ġdid fil-komunità.

Fisser li hu żball li fil-politika ta’ dan il-Gvern, il-qasam tal-anzjani mhux integrat mal-qasam tas-saħħa. Appella lill-Gvern iħares lejn strateġija komuni li tnaqqas l-iffullar u l-waiting list u mhux jibqa’ jiffoka biss l-attenzjoni tiegħu fuq Mater Dei.

Claudio Grech irrimarka li l-Gvern mhux qed jippjana investiment adegwat għas-sena d-dieħla meta alloka biss nofs miljun għall-immodernizzar taċ-ċentri tas-saħħa.

Tkellem ukoll dwar il-privatizzazzjoni taċ-ċentru tas-saħħa ta’ Bormla u qal li jidher li hemm nuqqas ta’ konsultazzjoni u kontradizzjoni meta kien il-Partit Laburista stess li kkritika l-ftuħ tal-emerġenza fi sptar privat, u kif tela’ fil-Gvern waqqafhom għaliex qal li dan jista’ jingħata miċ-ċentri tas-saħħa.

L-Oppożizzjoni temmen ukoll li l-Gvern għandu s-soluzzjoni f’idejh fil-kamp tal-kura tas-saħħa primarja bil-ftehim diġà milħuq dwar it-tobba tal-familja. Fisser li jekk il-Gvern jimxi mal-ftehim u jwettqu, ikun qiegħed jagħmel qabża kbira fis-servizz tas-saħħa fil-komunità.