Il-Pulizija kellha raġunijiet biżżejjed biex jittieħdu passi fil-konfront tal-eks Kummissarju Ewropew John Dalli. Dan ħareġ mix-xiehda ta’ dak li kien id-Deputat Kummissarju tal-Pulizija Joe Cachia quddiem il-Kumitat tal-Privileġġi fil-każ ta’ Ksur ta’ Privileġġ li l-Prim Ministru Joseph Muscat qed jagħmel kontra l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, b’rabta mal-investigazzjonijiet li kienu qed isiru f’pajjiiżna dwar l-eks Kummissarju Ewropew.
Il-ġuri li l-Prim Ministru fetaħ kontra Simon Busuttil fil-Parlament jitratta dikjarazzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni fis-seduta Parlamentari tat-30 ta’ Settembru dwar indħil politiku fl-investigazzjoni tal-Pulizija dwar il-Każ John Dalli. Dalli kellu jirriżenja mill-Kummissjoni Ewropea wara r-rapport li ħejja l-Uffiċċju OLAF fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea dwar l-allegat każ ta’ tixħim b’rabta mad-Direttiva tat-Tabakk.
Quddiem il-Kumitat Parlamentari tpoġġiet ukoll ix-xiehda li Joe Cachia kien ta fil-Qorti dwar il-każ. Hu spjega li f’Ottubru 2012 kien involut fl-investigazzjoni fil-konfront ta’ Dalli. Dak iż-żmien, il-Korp tal-Pulizija kien beda investigazzjoni mill-ġdid u fiha kien irriżulta li kien hemm raġunijiet biżżejjed biex jittieħdu passi fil-konfront ta’ Dalli u anke ta’ Silvio Zammit, li ssemma’ fil-każ. Dawn il-konklużjonijiet kienu miġbura f’rapport iffirmat mill-Ispettur Angelo Gafa u Cachia innifsu.
Joe Cachia, li dak iż-żmien kien Deputat Kummissarju tal-Pulizija, spjega li f’Diċembru 2012 kien spiċċa mill-involviment tiegħu fl-investigazzjoni tal-każ. Quddiem il-Kumitat, Cachia qal li l-Kummissarju Peter Paul Zammit qatt ma nvolvieh uffiċjalment fl-investigazzjoni dwar il-każ. Sadanittant, fi tmiem is-smigħ intqal li fis-seduta li jmiss se jixhed Angelo Gafà.
//= $special ?>