Lokali Qorti

Ditta taż-żraben ordnata tħallas lil Air Malta wara l-ordni li għamlet ma kienitx ta’ livell

Il-Qorti tal-Appell ordnat kumpanija taż-żraben biex tirrifondi lill-kumpanija nazzjonali tal-ajru Air Malta is-somma ta’ €15,253 wara li l-kwalita’ ta’ żraben provduti ma kienux ta’ livell skont il-kuntratt. Il-kawża tmur lura 21 sena u kienet preżentata miċ-Chairman tal-Air Malta ta’ dak iż-żmien Joseph N.Tabone kontra British Shoe Store Company Ltd.

Il-kumpanija tal-ajru qalet li hija kienet ħadet konsenja ta’ żraben f’April tal-1993 u dan biex jintużaw mill-ħaddiema nisa tal-Air Malta. Skont il-kundizzjonijiet tal-kuntratt, iż-żraben suppost kienu magħmula minn ġilda oriġinali. Wara li l-konsenja kienet saret u l-kumpanija British Shoe Store tħallset, irriżulta li ż-żraben kienu magħmula minn materjal tal-plastik sintetiku u infurzat bid-drapp.

Il-ħaddiema tal-Air Malta kienu sabu li dawn iż-żraben ma kienux komdi u mhux adattati u l-linja tal-ajru kienet sfurzata tixtri konsenja oħra mingħand kumpanija oħra. Sadanittant il-konsenja oriġinali kienet depożitata l-Qorti sakemm jinqata’ l-każ.

L-Air Malta kienet talbet biex il-Qorti tordna lill-kumpanija British Shoe Store biex tirrifondi l-ħlas tal-konsenja ħażina li saret flimkien mad-differenza tal-ispejjeż li kellha tidħol għalihom il-linja tal-ajru biex kellha tixtri żraben mingħand kumpanija oħra.

Minn naħa tagħha il-kumpanija British Shoe Store kienet insistiet li ż-żraben li ssupplixxiet kienu l-istess kampjun li uriet lil Air Malta u din kienet approvat. F’Ottubru tal-1996 il-Qorti kienet iddeċididet li ż-żraben provduti mill-British Shoe Store ma kienux skont l-ispeżifikazjonijiet tal-kuntatt u li għalhekk l-Air Malta kellha dritt li tirrifjutahom.

Il-kumpanija British Shoe Store kienet appellat, iżda l-każ kien miċħud f’Jannar tas-sena 2000. Fis-sentenza tiegħu l-Imħallef Wenzu Mintoff osserva li l-Air Malta kienet xtrat iż-żraben għall-prezz ta’ Lm12.50 kull par u wara kienu nxtraw żraben mingħand il-kumpanija Edwards li swew Lm16.20 kull par, differenza ta’ Lm3.70 il-par.

L-Air Malta kienet xtrat 420 par mingħand British Shoe Store iżda wara din l-ordni niżlet għal €355 mingħand Edwards għal ħlas addizzjonali ta’ Lm1,313.50 (€3,021.05). Kien għalhekk li l-kumpanija British Shoe Store kienet ordnata tirrifondi €12,232 għal ħlas tal-konsenja oriġinal u ħlas ieħor addizzjonali ta’ €3,021 imħallsa mill- Air Malta meta din xtrat iż-żraben mingħand Edwards.