Futbol Sport

FA Trophy: Pietà jikkwalifikaw fil-120 minuta

PEMBROKE A. ………………….. 0
PIETÀ H. …………..………………. 1

Pembroke A – A. Cassar, C. Mamo, O. Sidibe, G. Azzopardi, D. Toure (M. Tunji), A. Azzopardi, D. Sammut (S. Arab), A. Laudisi, G. Spiteri, L. Micallef (A. Agius), R. Bajada.

Pietà H – M. Montfort, C. Attard, C. Grech, L. Fortunato Dos Santos, R. Rodrigues Da Silva, T. Agius, C. Frances, N. Tasic (K. Cesare), L. Micallef (D. Agius), R. Xavier Zacharis (M. Licari), J. Pisani.

Skorjaw: C. Frances 120’

Referee – Adrian Azzopardi

Meta kollox deher destinat li l-logħba se tintemm bl-għoti tal-penalties, kienu Pietà li kkwalifikaw meta Claudio Frances skorja l-gowl deċiżiv bl-aħħar xutt tal-logħba. Kien destin kiefer għal Pembroke li f’120 minuta ta’ logħob kultant tedjanti u medjokri, qasmu l-logħob mal-avversarji iżda kellhom ibaxxu rashom bl-aħħar xutt tal-logħba.

Bidu tajjeb minn Pembroke li affrontaw il-logħba mingħajr ebda kumpless ta’ inferjorita’, tant li Pietà’ kellhom l-ewwel tentattiv fit-22 minuta meta Xavier impenja lil Cassar u mir-rebound Luke Micallef xeħet għoli minn qagħda tajba.

Pietà bdew iżidu l-pressjoni iżda Pembroke wieġbu bi freekick sabiħ ta’ Ayrton Azzopardi li kien salvat b’diffikulta minn Montfort.

Fit-tieni taqsima l-andament tal-logħba ftit li xejn inbidel bi Pietà xi ftit superjuri iżda ftit perikolużi. Mas-siegħa logħob ċans tad-deheb għal Pembroke minn azzjoni ta’ Laudisi u kross lejn Demba Toure li d-daqqa ta’ ras tiegħu għaddiet ftit barra.

Risposta ta’ Pietà fl-64 minuta b’azzjoni tajba ta’ Jurgen Pisani u xutt finali li ħabat man naħa ta’ barra tax-xibka. Fit-73 minuta minn żball fid-difiża ta’ Pembroke kien Terrence Agius li falla minn qagħda tajba.

Il-logħba kompliet bl-istess andament anki fil-ħin barrani bi ftit azzjonijiet ta’ skor u kollox kien lest biex jingħataw il-penalties, iżda propju bl-aħħar xutt tal-logħba CLAUDIO FRANCES sab ir-rokna tax-xcibka b’xutt angolat wara li rċieva mingħand Agius, biex poġġa lil Pietà ma’ l-aħħar sittax.