Ambjent Lokali

FILMAT: Il-kelb mhux maħqur imma spiċċa maqful wara inċident

Il-ħemda ta’ żona f’Pembroke, fejn jinsabu numru ta’ kmamar żgħar bejn l-impjant tar-reverse osmosis u l-grawnd tal-futbol ta’ Pembroke Athleta, inkisret mill-krib ta’ kelb tat-tip pitbull li qed jinżamm f’kamra fil-post.

Filmat li ttella’ fuq Facebook minn Niki Portelli juri lil dan il-kelb jokrob u jingħi hekk kif xi persuni resqu qrib il-kamra fejn qed jinżamm. Fl-istess binja tinżamm ukoll kelba oħra tal-istess razza.

Din il-kamra żgħira u mudlama għandha tieqa żgħira li x’aktar il-kelb stess qaċċtilha l-vireg tagħha biex ikollu ftit sens ta’ liberta’ u jkun jista’ jittawwal barra.

Il-krib ta’ dan il-kelb wassal biex diversi persuni ċemplu u rrapurtaw lid-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Annimali. Madankollu huma qalu li ġew infurmati li ma jistgħux jieħdu azzjoni ladarba l-kelb għandu l-ikel, ilma u post fejn jistkenn.

Wara li dan il-filmat ittella’ fuq Facebook, sid il-kelb kiteb li dan spiċċa f’din il-kamra żgħira kawża ta’ inċident. Dan għaliex qal li l-kelb qaċċat injama u qabeż fil-kamra li tidher fil-filmat, li hi iżgħar minn dik li soltu jinżamm fiha.

Kompla li meta l-awtoritajiet marru fuq il-post ordnawlu li jsewwi t-tieqa imma nfurmawh li l-klieb huma b’saħħithom u miżmuma tajjeb.

Is-sid tella’ wkoll filmat li fih wera’ l-binja li fiha jinżammu l-klieb; binja b’numru ta’ kmamar spazjużi, twieqi differenti għall-arja kif ukoll kumditajiet bħal sodda double bed u logħob għall-klieb.

Fost il-persuni li kkummentaw kien hemm qraba tas-sid, li fissruh bħala persuna li jħobb lill-klieb tiegħu, jiħodhom f’ġonna pubbliċi apposta għall-klieb u saħansitra xi kultant iqatta’ l-lejl ħdejhom minħabba li ma jistax iżommhom id-dar.

Huma akkumpanjaw il-kummenti tagħhom b’ritratti li jkomplu ma’ dak li qalu.

1

Ara l-filmat tal-kelb jingħi wara li spiċċa maqful hawn.