L-MCAST waqa’ lura fil-bini tal-kampus il-ġdid u biex jagħlaq il-ftehim għal fondi strutturali Ewropej
L-Oppożizzjoni appellat lill-Gvern ibiddel ir-rotta fl-edukazzjoni u ma jinqabadx fi staġnar u bla tmexxija soda. Il-Baġit 2015 ma joffri xejn mil-lista ta’ wegħdi ta’ ħolm u xewqat li wiegħed il-Partit Laburista qabel l-elezzjoni. Baġit li hu fqir fid-direzzjoni u ftit fl-azzjoni kif tmexxa s-settur fl-aħħar 20 xahar.
Dan kien it-tifsira li ta lill-Baġit id-Deputat Nazzjonalista Joe Cassar, li appella fil-Parlament għal pjan sod u miri ċari għall-edukazzjoni biex it-tfal kollha jimxu ‘l quddiem fl-iżvilupp tal-edukazzjoni.
Meta tkellem dwar il-baġit 2015 għas-settur tal-edukazzjoni, il-Kelliem għall-Edukazzjoni Joe Cassar fisser li l-Gvern Laburista f’Marzu 2013 sab bażi tajba, u b’direzzjoni ċara għas-settur edukattiv, bħalma kienet ukoll ċara r-roadmap tal-Partit Laburista mibnija iżda fuq listi ta’ ħolm u xewqat.
Baġit li kellu bżonn aktar ħsieb fl-edukazzjoni obbligatorja u semma kif l-ewwel falza stikka tal-Gvern kienet dwar il-Kulleġġi.
Filwaqt li rrikonoxxa li kien hemm bżonn ta’ titjib fil-Kulleġġi, il-Kelliem għall-Edukazzjoni qal li fil-konsultazzjoni tħallew barra l-protagonisti ta’ dawn il-kulleġġi fi proċess superfiċjali li tilef l-iskop biex tingħata aktar attenzjoni lill-iskejjel bi sfidi kbar.
Fissser kif ma kien hemm ebda żieda fil-Baġit għall-materjal u s-supplies għall-iskejjel.
Is-sentiment ta politika ta’ ħabi u ta’ segretezza tinsab ukoll fl-ogħla uffiċjali tal-Minsiteru u tas-sistema edukattiva, bil-laqgħat isiru biex jingħataw l-istruzzjonijiet u xejn diskussjoni.
Fakkar li Gvern Nazzjonalista kellu pjan għal bini ta’ skola ġdida kull sena u pjan ta’ manutenzjoni. Joe Cassar qal li resqin lejn it-tmiem tat-tieni sena ta’ dan il-Gvern u m’hemm ebda skola waħda lesta, bil-baġit isemmi biss li s-sena d-dieħla se jibda l-ippjanar fuq żewġ skejjel – konferma li għadu ma nbeda xejn fuq bini ta’ skejjel ġodda.
Id-Deputat Nazzjonalista qal li l-politika għas-settur edukattiv qed turi li dan hu Gvern espert fit-tfarfir tar-responsabbiltà. Semma kif Skolasajf kienet cover-up tad-deċiżjonijiet ħżiena li ttieħdu tant li twaqqfu żewġ inkjesti – l-ewwel biex tistabbilixii għaliex Skolasajf bdiet tard, u oħra meta ħarab tifel mill-bini ta’ Skolasajf.
Li ma investigax il-Gvern, qal Joe Cassar, hu d-deċiżjoni politika li ttieħdet dwar l-organizzazzjoni ta’ Skolasajf għal mod kif ittieħdet id-deċiżjoni politika f’April li għadda biex Skolasajf tingħaqad ma’ Klabb 3-16 – deċiżjoni li kkawżat frakas sħiħ fi Skolasajf, u għal dan weħħlu l-ħaddiema.
Joe Cassar qal li l-Ministru Bartolo kellu jerfa’ r-responsabbiltà tad-deċiżjoni politika, iżda minflok waqqaf bordijiet immexxija minn kandidata Laburista għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropej, u persuna li indirizzat mass meeting fil-kampanja elettorali tal-Partit Laburista.
Staqsa lill-Ministru Bartolo x’se jsir u min se jerfa’ r-resposabbiltà politika ta’ waħda mill-konklużjonijiet tal-inkjesti li kkritikat il-ħatra ta’ Direttur tas-Servizzi tal-Istudenti li kien iddikjarat li m’għandix esperjenza. Joe Cassar qal li kien hemm kandidati oħrajn b’aktar esperjenzi, u staqsa għalfejn inħatret u kif saret din il-ħatra.
Ikkritika wkoll li ħafna mill-fondi allokati mhux se jmorru għal inizjattivi ġodda iżda għal spejjeż li ma kienx hemm biżżejjed fondi għalihom din is-sena, fosthom għaċ-child care li din is-sena se tiswa €5 miljun u s-sena d-dieħla ta’ €8 miljun. Irrimarka li qabel l-elezzjoni il-PL kien qal li din l-inizjattiva kienet se tħalli qligħ ta’ miljun ewro, filwaqt li staqsa jekk il-miri ntlaħqux għall-2014. Semma wkoll li l-baġit jaħseb għal inizjattiva waħda għal child care centre wieħed flimkien mal-privat fiċ-ċentru tal-pajjiż. Staqsa għaliex kien deċiż li dan isir fiċ-ċentru ta’ Malta.
Semma wkoll li l-kredibbiltà tal-Ministru tiddependi wkoll fuq kemm ix-xogħol isir b’għaqal u mhux b’għaġla hekk kif irrifera għal dak li sejjaħ bħala l-fjask li seħħ f’anqas minn sena fl-Alternative Learning Programm. Staqsa lill-Ministru jispjega d-diffikultajiet li kien hemm. Fisser dan bħala riżultat tad-deċiżjonijiet politiċi bla ppjanar, bla konsultazzjoni u bla finanzi meħtieġa. Joe Cassar qal li dan il-falliment hu riżultat ta’ politika tal-Gvern li jrid jagħmel kollox differenti.
Dwar l-istipendji, Joe Cassar qal li din is-sena kulħadd kellu japplika on line bi studenti kienu f’diffikultà minħabba li ma kellhomx karta tal-identità elettronika meħtieġa li dwarha l-istudenti ma kinux infurmati. Ikkritika wkoll lill-Ministru tal-Finanzi li ma kienx kapaċi fil-Baġit jgħid lill-istudenti li kien qed iżidhom b’2ċ meta l-eżamijiet tal-MATSAC żdiedu b’mod xokkanti b’żieda ta’ 33%.
Semma kif il-bini tal-kampus il-ġdid tal-MCAST ukoll waqa’ lura u l-Gvern għandu jagħti r-raġunijiet għal dan wara li l-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada taħt dan il-Gvern m’għadhiex responsabli aktar għal dan il-proġett. Kien hemm fondi biex jinbeda x-xogħol fuq ir-raba’ binja tal-kampus. L-MCAST waqa’ lura wkoll biex jagħlaq il-ftehim għal fondi strutturali Ewropej li kellu jagħti bidu għat-tieni fażi ta’ dan il-proġett importanti.
Tkellem ukoll dwar l-edukazzjoni inklussiva u qal li wara 20 xahar il-Gvern għandu jagħti informazzjoni dwar ir-rapport konkluż. Dwar l-LSAs, il-Gvern ukoll qed jitlef il-kredibbiltà għax ma ħareġ ebda pjan u estimi għal taħriġ.
Ikkritika wkoll li l-Gvern ma jemminx fl-importanza tal-edukazzjoni indipendenti, privati u tal-knisja meta ħalla lil dawn l-iskejjel jistennew il-fondi għal-LSAs. Dwar dan, qal Joe Cassar, trid ukoll tintrefa’ r-responsabbiltà.
//= $special ?>