Ħabta bejn żewġ karozzi ġewwa Ħal-Qormi fis-sajf tas-sena l-oħra spiċċat fi ġlieda fejn iż-żewġ naħat qalu li kienu aggrediti sofrew ġrieħi u anke ħsara f’waħda mill-karozzi. Il-vittma fil-każ skont l-akkużat saħansitra bdiet thedded li kienet se terġa’ tmur il-ħabs minħabba l-aġir tal-akkużat u t-tfajla tiegħu, u dan għax kienet se toqtolhom.
Il-Maġistrat Consuela Scerri Herrera ma sabitx lil Chris Vassallo ta’ 21 sena minn Ħal-Qormi ħati li saq karozza b’manjiera traskurata u perikoluża, li insulenta lix-xufiera ll Mary Farugia, il-mara li kien involut f’inċident magħha u li kkaġunalha ferita ħafifa. Madankollu huwa ġie mmultat €100 talli fl-10 ta’ Lulju tal-2013, għall-ħabta tas-6.30 p.m. għamel il-ħsara fuq il-karozza ta’ Farrugia, li hija propjeta’ tas-sieħeb tagħha Joseph Zammit.
Fix-xhieda tagħha Mary Farrugia qalet li kienet qed isuq karozza Golf, sejra minn Ħal-Qormi direzzjoni lejn Ħaż-Żebbuġ. Qalet li Chris Vassallo kien qed isuq quddiemha u beda jserrep. Qalet li miegħu kien hemm ukoll l-għarusa tiegħu. Qalet li dawn kienu qegħdin jidħqu, u li Vassallo beda juri subajh tan-nofs.
Farrugia kompliet tgħid li meta waslu viċin il-ħanut Shopwise, fi Triq l-Imdina, il-karozza l-oħra qiesha daret lejn in-naħa tax-xellug u ħasduha u hija l-istess manuvra biex ma jolqtux il-ġemb tagħha. Hija qalet li taħseb li kienet laqtitlu xi ftit il-bieba u wara waqfu t-tnejn li huma.
Qalet li Chris Vassallo beda jagħti b’kemm jiflaħ fuq il-bonnet tagħha u bid-daqqiet li ta l-arma tal-Golf ta’ max-xibka waqgħet. Ix-xhud qalet li hija staqsietu għalfejn għamlilha hekk fejn skont hi għawġilha subajha u qalet ukoll li qalgħalha dufrejha u beda nieħel ħafna demm.
Xehedet ukoll Charlene Abela, it-tfajla ta’ Chris Vassallo li qalet li kienet riekba ma’ Vassallo u huma kienu telgħin mid-direzzjoni ta’ Ħal-Qormi lejn Ħaż-Żebbuġ, fejn hemm l-istabbiliment Krea. Qalet li l-għarus tagħha kien qiegħed fuq il-kareġġata ta’ barra u raha lil Mary Farrugia riesqa fil-viċin.
Hija qalet li huwa paqpaq il-horn u din ressqet aktar viċin tiegħu u bdiet tgħid xi kliem iżda ma semgħuhiex peress lin t-twieqi kien magħluqa. L-akkużat qabiżha, baqa’ tiela ‘l fuq u waqaf mas-“service lane” quddiem il-Krea u kif ħareġ mill-karozza, u kif fetaħ il-bieba raha ġejja għal fuqu u biex iżommha milli tidħol fih taha xi daqqiet fuq il-bonnet u dan fil-paniku li qabdu għax ħaseb li kienet se tweġġgħu. Qalet li l-mara ħarġet mill-karozza bdiet tgħajjat u toffendihom u bdiet tgħid li se terġa’ tmur il-ħabs minn fuqhom u se toqtolhom u xi diskors ieħor.
Skont ix-xhud Farrugia marret ħdejn l-għarus tagħha qiesha se tagħtih daqqa ta’ ponn u wara marret fuqha u tatha daqqa fuq xoffitha. Chris Vassallo prattikkament ikkorabora x-xhieda tat-tfajla tiegħu u qal ukoll li kienet Mary Farrugia li bdiet isserrep u tmur quddiemu.
Il-Qorti kkunsidrat il-fatt li Mary Farrugia ma kienitx konsistenti fix-xhieda tagħha filwaqt li l-akkużat kien tant li anke ammetta li kien ta fuq il-bonnet. Ingħad ukoll li lanqas kien esebit ċertifikat minn naħa ta’ Farrugia dwar il-ksur ta-subajha u li kienet hi li saqet wara Chris Vassallo. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Joseph Agius.
//= $special ?>