Id-Deputat Nazzjonalista Paula Mifsud Bonnici appellat lill-Gvern biex id-drittijiet tal-konsumatur ikunu minsuġa wkoll fil-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna.
Meta tkellmet fil-Parlament dwar il-qasam tal-konsumatur fid-diskussjoni dwar il-Baġit, fissret li wasal iż-żmien biex dawn id-drittijiet ukoll jiddaħħlu fil-Kostituzzjoni biex il-konsumatur ikollu dritt għal kwalità tajba ta’ informazzjoni, dritt għal kwalità tas-servizz, u għad-drittijiet dwar danni li l-konsumatur jista’ jsofri.
Semmiet li hemm diversi pajjiżi fl-Unjoni Ewropea fejn id-drittijiet tal-konsumaturi diġà ddaħħlu fil-Kostituzzjoni u li ssarrfu f’passi kbar favur il-konsumatur.
Drittijiet fil-Kostituzzjoni, qalet Paula Mifsud Bonnici, li jagħtu garanzija istituzzjonata wkoll lid-drittijiet lill-għaqdiet tal-konsumatur.
Irriferiet ukoll għall-każ li kienet ressqet l-Oppożizzjon dwar l-Avviż Legali 76 li kien imur kontra d-drittijiet tal-privatezza tal-istudenti, kontra l-Kostituzzjoni u kontra l-Att tad-Data u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.
Fakkret li meta l-Oppożizzjoni ressqet il-mozzjoni biex jitneħħa dan l-Avviż, il-Gvern kien ivvota kontra meta llum jaf li għamel żball u baqa’ ma rerevokax l-Avviż legali, u għaliex ma tneħħiex, baqa’ fis-seħħ.
Paula Mifsud Bonnici fissret li l-kritika li qed tressaq dwar il-qasam tal-affarijiet tal-konsumatur hi mibnija mir-risposti u minn nuqqas ta’ informazzjoni li tħalli barra l-Ministru Helena Dalli fit-tweġibiet li tagħti għall-mistoqsijiet parlamentari dwar l-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA).
Staqsiet x’għamlet u x’inhuma l-pjani għal din l-Awtorità. Fl-ebda ħin il-Baġit ma rrefera għal dan is-settur tal-konsumatur u dan hu ta’ nkwiet li ma kienx hemm nofs ta’ kelma waħda dwar inċentivi proposti f’dan il-qasam.
Paula Mifsud Bonnici tkellmet dwar kif il-wegħdi tal-Partit Laburista llum saru bħal bżieżaq tas-sapun. Sa Marzu 2013, kien hemm 56 uffiċjal professjonali fl-Awtorità, sa Ottubru niżlu għal 41 u żdiedu erbgħa biss meta llum l-Awtorità wirtet responsabbiltajiet aktar mill-MEPA. Spjegat li ma jistax ikun li Direttur Ġenerali b’esperjenza kellha tirriżenja minħabba t-taħwid u l-indħil f’xogħolha.
Il-Ministru Dalli wkoll ilha 21 xahar biex tara l-business plan għall-2014-2016 ikun approvat. Fi Frar li għadda wieġbet li dan il-pjan hu avvanzat u dalwaqt ikun ippreżentat biex jiġi ppubblikat. Fl-aħħar tweġiba dwar dan il-pjan qalet li meta dan il-pjan jitlesta jkun ippreżentat. Mitluba tgħid meta se jkun lest, wieġbet li tagħmel dan meta jkun lest – insult lejn it-trasparenza ta’ dan il-Gvern u insult lejn in-nies.
Il-Ministru wkoll ilha 21 xahar biex issir il-likwidazzjoni tal-Malta National Laboratory u ma sar ebda pass biex tfassal pjan għall-amalgamazzjoni tal-laboratorji. Fi tweġibiet li tat għal mistoqsijiet parlamentari, il-Ministru Dalli wieġbet li aktar informazzjoni tingħata meta jkun il-waqt. Damet ukoll 19-il xahar biex taħtar rappreżetanti tal-għaqdiet tal-konsumaturi fuq il-Kunsill tal-Konsumatur.
Filwaqt li fissret li għandna Awtorità li qed tiddgħajjef bil-ħaddiema jistennew x’se jkun id-destin tagħhom, irreferiet għall-kwestjonarju fost il-ħaddiema tal-Aworità, u qalet li meta mitluba tagħti informazzjoni dwar dan fil-Parlament, ukoll il-Ministru ma tat ebda informazzjoni bl-iskuża li l-ewwel irid ikun diskuss fil-livell ta’ management.
Ministru wkoll li baqgħet taħbi għal xhur sħaħ u għadha ma tatx l-informazzjoni dwar liema huma l-playing fields li mhumiex safe fil-lokalitajiet tagħna kif iddikjarat ukoll l-Awtorità.
Dwar it-tnaqqis fil-prezzijiet ta’ mediċini, il-Ministru ma qalitx ukoll li hawn mediċini li qed jogħlew ukoll u li meta ħabbret il-prezzijiet ta’ roħs, dawn kienu diġà mraħħsa fl-ixkaffef tal-ispiżeriji u fissret li jekk hu l-każ, dan hu ngann ieħor kontra l-konsumatur.
L-MCCAA mhux biss tilfet uffiċjali, iżda wkoll marret lura. Fl-aħħar tal-2012 l-Awtorità spiċċat bi profitt meta llum irreġistrat żbilanċ ta’ kważi b’€1 miljun. Ikkritikat kif il-baġit għas-sena d-dieħla żdied biss b’€150,000 meta żdiedu wkoll r-responsabbiltajiet li ħadet mill-MEPA.
Appellat għall-indipendenza fit-tmexxija tal-Awtorità fid-dawl ta’ dak għaddej mill-Bord u miċ-Chairman tal-Awtorità li jrid li jneħħi d-deċiżjonijiet tekniċi tad-Direttorati.
Paula Mifsud Bonnici saħqet li l-Gvern għandu jpoġġi l-konsumatur l-ewwel u qabel kollox. In-nies mhix qed tħoss li d-drittijiet tagħhom qed jiġu mħarsa.
Dwar l-ispezzjonijiet tal-lifts mill-Awtorità, appellat biex din il-ħidma u l-azzjoni tkun aktar frekwenti. Semmiet li f’20 spezzjoni li saru fuq lifts, kollha nstabu b’xi nuqqas ta’ konformità mal-liġijiet, tnejn ingħalqu u ieħor instab li ma jaħdimx. Appellat ukoll għal aktar spezzjonijiet u azzjonijiet fl-istabbiliment fejn kien hemm 154 li ngħataw biss twissija dwar nuqqasijiet fil-prezzijiet.
//= $special ?>