Baġit 2015 Lokali Parlament Sport

Il-Gvern għandu jħalli l-politika barra mill-qasam tal-isport

Il-KMS għadu bla Kap Eżekuttiv u l-persuna li qed taqdi l-funzjoni temporanjament hu l-istess persuna li hi konsulent tal-Gvern għall-isport u Viċi President tal-Kumitat Olimpiku Malti

Id-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar appella lill-Gvern iħalli l-politika barra mill-qasam tal-isport u jara li s-Segretarju Parlamentari jitħalla jagħmel xogħlu, u l-isport ma jibqax is-cindirella ta’ dan il-Gvern.

Dwar il-qasam tal-isport, il-Kelliem għaż-Żgħażagħ u l-Isport, qal li l-Gvern beda ħażin u kompla ħażin. Ikkritika lill-Gvern li qed jagħti t-tmexxija tal-isport lil żewġ politiċi – lis-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-isport u lid-Deputat Laburista Luciano Busuttil li minbarra li hu deputat tal-Gvern inħatar Chairman għall-Kunsill Malti għall-Isport (KMS) b’salarji li jlaħħqu għal aktar minn €50,000.

Irrifera għall-inkjesta li ħatar l-Uffiċċju tal-Prim Ministru dwar irregolaritajiet fit-tmexxija tal-Marsa Racing Club, kif ukoll għar-rimarki li saru miċ-Chairman ta’ din l-inkjesta li ċ-Chairman tal-KMS Luciano Busuttil ma tax l-evidenza quddiem il-bord tal-inkjesta minkejja li ntalab darbtejn.

Għal dawn ir-rimarki, Luciano Busuttil wieġeb li hu ma ġiex notifikat li kellu jidher quddiem dan il-Bord, u li f’każ minnhom kien infurmat lejlet ġurnata li fiha ma setax jattendi minħabba raġunijiet familjari. Spjega li ma jsibx problemi li jixhed quddiem il-Bord ta’ Inkjesta.

Robert Cutajar aċċenna li l-inkjesta ssejħet mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru u mhux mill-Oppożizzjoni.

Id-Deputat Nazzjonalista kkritika wkoll lill-politika tal-Gvern dwar l-isport quddiem sitwazzjoni li fiha l-KMS għadu bla Kap Eżekuttiv u l-persuna li qed taqdi l-funzjoni ta’ Kap Eżekuttiv f’dan in-nuqqas, hu l-istess persuna li hi konsulent tal-Gvern għall-isport, li kien ukoll il-Kap tal-Isport tal-media Laburista, u wkoll Viċi President tal-Kumitat Olimpiku Malti.
Dan il-konsulent, qal Robert Cutajar, ukoll għandu salarju li jaqbeż il-€50,000. Sejjaħ is-sitwazzjoni li jinsab fiha l-KMS bħala mhux aċċettabbli u li qed twassal għal deċiżjonijiet mhux mixtieqa. Irrimarka wkoll li dan ifisser li ċ-Chairman u Konsulent tal-Gvern li qed jieħdu ‘l fuq minn €100,000. Staqsa jekk dak li qed iwettqu jimmeritax dak li qed jitħallsu għalih meta hemm assoċjazzjoniet li għadhom jistennew jieħdu l-fondi, u kunsilli lokali qed jintalbu li għal skema tal-Gvern jintalbu ħlas ta’ €20 għall-parteċipazzjoni kull żagħżugħ.

Sejjaħ ukoll ta’ stmerrija d-diskors partiġjan u politiku li għamel id-Deputat Laburista Luciano Busuttil fiċ-ċerimonja tal-Awards mill-KMS. Talab ukoll spjegazzjoni dwar tenders li qed jinħarġu mill-KMS u saħaq li s-serjetà titlob doveri mir-rappreżentanti tal-poplu.

Irrifera wkoll għall-Iskola tal-Isport u filwaqt li semma li kienet deċiżjoni tajba li l-Gvern irid jibni skola oħra, staqsa jekk kinitx deċiżjoni mgħaġla u jekk kienx hemm konsultazzjoni. Semma li hemm anqas faċilitajiet fl-iskola ġdida li qed tinbena u staqsa jekk kienx ikun aħjar li l-Iskola tal-Isport tibqa’ topera minn fejn kienet, u jekk hux se tinkludi track u pixxina.

Dwar il-proġett ippjanat mill-aministrazzjoni Nazzjonalista għal pixxina f’Għawdex, appella lill-Gvern jgħid meta se jgħamel dan il-proġett, u jagħti time frames b’risq ukoll iż-żgħażagħ Għawdxin. Ikkritika d-deċiżjoni tal-Gvern li abbanduna l-pjani għall-faċilitajiet sportivi fiz-zona ta’ San Pawl il-Baħar. Staqsa wkoll x’inhi l-politika tal-Gvern dwar l-open air gyms meta fil-Baġit m’hemm xejn dwar inizjattivi ġodda.

Esprima d-dispjaċir għal dak li qed jiġri fuq l-istazzjon nazzjonali meta l-Kap tat-Taqsima tal-Isport ta ordni biex stqarrija tal-Partit Nazzjonalista li ma kien fiha ebda kontenut politiku, titneħħa minn fuq il-websajt tal-PBS.

Robert Cutajar tkellem dwar l-Aġenzija Żgħażagħ li twieldet mill-amministrazzjoni preċedenti u li m’hemm ebda investiment f’din l-Aġenzija u m’hemmx l-attenzjoni meħtieġa minn dan il-Gvern. Fisser il-Youth Village bħala inizjattiva ġdida, iżda staqsa x’se jkun hemm ġdid meta jirriżulta li l-aġenziji kollha tas-servizzi taż-żgħażagħ tmexxew fil-Villaġġ.

Tkellem ukoll dwar il-qbil fuq liġi li tixraq u tirrikonoxxi lil dawk li jaħdmu maż-żgħażagħ, u qal li issa li għaddew ix-xhur staqsa jekk ingħatawx warrants lil dawk li jaħdmu f’dan il-qasam. Staqsa wkoll dwar il-politika nazzjonali taż-żgħażagħ u jekk il-Gvern hux verament qed ipoġġi ż-żgħażagħ fil-politika tiegħu u jagħtihom vuċi bil-Vot 16.

Irrimarka li l-vuċi li jrid jagħti l-Gvern liż-żgħażagħ hi biss vuċi kosmetika meta l-Ministru Bonnici kien iddikjara li jrid jipposponi l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali li fihom iż-żgħażagħ se jkunu qed jivvutaw għall-ewwel darba. Appella lill-Gvern ma jagħmilx distinzjoni bejn dawk iż-żgħażagħ li jmisshom jivvutaw is-sena d-dieħla u n-nofs taż-żgħażagħ l-oħrajn li se jkunu qed jivvutaw fis-snin ta’ wara.
Tkellem ukoll dwar il-garanzija għaż-żgħażagħ, u t-tħassib taż-żgħażagħ li huma nkwetati dwar is-sitwazzjoni tal-qgħad, fosthom dawk li qed jiggradwaw li ma jafux jekk hux se jsibu impjieg. Staqsa wkoll jekk hux se jsir il-multi storey car park fl-Università.

Tkellem ukoll dwar il-politika tal-Gvern għall-ibburdjar u qal li dan l-isport qiegħed jieħu daqqa ta’ ħarta bid-deċiżjonijiet li laqtu ħażin kemm lil Viking Yacht Club li m’għandux minn fejn jopera u għadu jistenna risposta mill-Gvern, kif ukoll lill-klabb ta’ Birżebbuġa li mhux se jkollhom fejn jipprattikaw l-ibburdjar bit-tanker tal-gass fil-Port ta’ Marsaxlokk.

Dan jistona u jikkuntrasta mal-pożizzjoni li qed jieħu l-Gvern meta jitkellem dwar it-turiżmu tal-ibburdjar. Appella lill-Gvern biex l-ewwel jieħu ħsieb l-isport f’pajjiżna u mbagħad iwessa’ l-impenn tiegħu għat-turiżmu sportiv għall-ibburdjar.