Lokali Parlament

Ilment quddiem il-Kummissjoni dwar l-Ugwaljanza dwar id-diskors tal-Ministru Bartolo

 

Membri fl-MCESD jinsistu li l-preżenza tal-Ministru Dalli mhix meħtieġa għaliex tiddomina l-laqgħa

Id-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg ikkundannat id-diskors li għamel il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo nhar il-Ħadd li għadda u qalet li se tressaq ilment uffiċjali quddiem il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) u fissret li dan id-diskors mhux biss kien vulgari iżda sessist u staqsiet x’passi se jittieħdu għall-insult li hu għamel lejn in-nisa kollha.

Meta tkellmet fil-Parlament dwar l-estimi finanzjarji fil-Baġit għas-settur tal-libertajiet ċivili u d-djalogu soċjali, Claudette Buttigieg qalet li se tressaq ukoll ilment anke fir-rigward ta’ dak li nkiteb fil-media soċjali mid-Direttur tal-Valletta 18 Mario Philip Azzopardi

Claudette Buttigieg qalet li l-Ministru Bartolo m’għandux joffendi nofs il-popolazzjoni tal-pajjiż.

Is-silenzju tal-NCPE fuq dan is-suġġettt hu nkwetanti, sostniet id-Deputat Nazzjonalista, li appellat lill-Ministru Bartolo biex jitlob apoloġija u jkun ta’ eżempju aktar u aktar meta hu l-Ministru tal-Edukazzjoni u hu wkoll deputat.

Id-Deputat Nazzjonalista qalet li ħadd m’għandu jkasbar lin-nisa biex jirbaħ punti politiċi. Semmiet ukoll il-kummenti li għamel Mario Azzopardi, Direttur Artistiku tal-V18, dwar l-Iżlam u qalet li anki l-NCPE u l-Ministru Dalli kellhom jitkellmu dwar is-suġġett. Hi qalet li Azzopardi skuża ruħu iżda ma jirriżultax li hemm stqarrija tiegħu u hemm biss kummenti u fil-fatt staħba taħt il-kappa ta’ stqarrija tal-V18.

Id-Deputat Nazzjonalista qalet li flok ippubblikat ittra ffirmata ta’ Azzopardi biex jiskuża ruħu, il-V18 ippubblikat biss stqarrija li ġabet reazzjoni razzista fuq Facebook. Biex Malta rebħet il-Belt Kulturali Ewropea 2018, kien hemm diversi kundizzjonijiet li jittrattaw it-tolleranza u d-diversità.

Id-Deputat Nazzjonalista qalet li f’dan il-pajjiż kollox sar qisu xejn mhu xejn, u sostniet li l-pożizzjoni tal-Ministru Bartolo u l-kummenti ta’ Mario Azzopardi huma nies pubbliċi u għalhekk hi ħasset li kellha tikkummenta. Jeħtieġ li jinkissru l-omertà u s-silenzju dwar dawn is-suġġetti, sostniet id-Deputat Nazzjonalista.

Claudette Buttigieg ikkritikat il-fatt li l-ħaddiema nisa tal-Enemalta issa spiċċaw bla flexi-time u n-nuqqas ta’ fondi għall-NGO’s.

Hi semmiet id-djalogu soċjali fl-MCESD u sostniet li fl-2012 il-membri tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) kienu diġà għamlu proposti lill-Gvern. Iċ-Chairman tal-MCESD kien appuntat politikament u dwaru m’hemmx qbil fost il-membri, li jridu wkoll awtonomija sħiħa billi ma jibqgħux jiltaqgħu fil-Ministeru ta’ Helena Dalli.

Claudette Buttigieg kompliet li l-membri tal-MCESD qed jinsistu li l-preżenza tal-Ministru Dalli mhix meħtieġa għaliex din tiddomina l-laqgħa.

Il-Gvern mhux jikkonsulta sew mal-imsieħba soċjali, sostniet id-Deputat Nazzjonalista, u semmiet kif l-MCESD mhux jiddiskuti problemi ewlenin fosthom it-trasport u l-Air Malta.

Ħafna membri tal-MCESD qed iħossu li d-deċiżjonijiet mhux jittieħdu bl-aħjar mod għaliex id-deċiżjonijiet mhumiex riċerkati. Il-membri tal-MCESD iħossu li għandu jkollhom iktar kredibbiltà bi pjan ta’ ħidma fit-tul fejn l-aġenda tkun stabbilita minn qabel u marbuta mal-iżviluppi fl-Ewropa.

Claudette Buttigieg qalet li l-membri jħossu li għandha tinbidel il-konsultazzjoni li qed issir magħhom għaliex din mhix konsultazzjoni veru iżda biss preżentazzjoni minn diversi ministri.

Il-Parlament għandu jiddiskuti l-futur tal-MCESD fejn il-membri tal-MCESD għandhom ikunu trattati b’rispett minħabba li għandhom l-għarfien. Il-konsultazzjoni pubblika għandha tibda fl-MCESD.

Id-Deputat Nazzjonalista qalet li għandu jkun assigurat li kull membru tal-MCESD jkollu l-istaff u l-uffiċjali biex iwettaq id-dmirijiet tiegħu.

Dwar il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza, Claudette Buttigieg qalet fil-baġit jidher li m’hemmx vot biex din tkopri wkoll id-drittijiet tal-bniedem.

Jirriżulta li fil-Global Gender Gap Report, li jara l-pożizzjoni tal-mara fis-soċjetà, Malta tinsab fost l-aħħar postijiet. Jeħtieġ li jkun ippubblikat id-direttorju tan-nisa professjonisti għaliex ħafna minnhom m’humiex magħrufa.

Id-Deputat Nazzjonalista kompliet li hu pożittiv li l-Kummissjoni għall-Persuni b’Diżabbiltà tingħata awtonomija kif intqal fil-mozzjoni li ressaq fil-Parlament id-Deputat Nazzjonalista Stephen Spiteri.

Claudette Buttigieg qalet li n-nisa jistħoqqilhom ikunu fit-tmexxija mhux bħala tokens iżda għaliex huma kapaċi u għaliex wara kollox 60% tal-istudenti huma nisa.

Dwar il-libertajiet ċivili, id-Deputat Nazzjonalista qalet li l-Ministru Dalli kellha l-kurraġġ li twettaq miżuri li ma kinux iddaħħlu fil-pajjiż. Din kienet sena storika ta’ ħidma li f’ħafna minnhom kien hemm qbil mal-Oppożizzjoni.

Claudette Buttigieg tkellmet dwar l-importanza ta’ modernizzar fl-Għases tal-Pulizija fejn in-nies ikunu jistgħu jressqu l-ilmenti tagħhom mal-pulizija, u f’dan ir-rigward hu meħtieġ ukoll li jkunu impjegati iktar pulizija nisa.

Semmiet ukoll l-immigrazzjoni u qalet li Malta llum saret destinazzjoni għalkemm għall-immigranti Malta hi destinazzjoni mhix mixtieqa. Jeħtieġ soluzzjoni għall-problemi li qed jinħolqu minħabba l-wasliet ta’ tfal mhux akkumpanjati minn ġenituri tagħhom.