Internazzjonali

L-ISIS għandu bomba radjuattiva

Fanatiċi tal-ISIS qed jgħidu li bnew bomba ‘maħmuġa’ – bomba radjuattiva – wara li serqu 40 kilogramma ta’ uranju minn universita’ fl-Iraq.

Il-militanti ftaħru dwar il-bomba fuq il-media soċjali, b’wieħed minnhom jikkummenta dwar il-qerda li din il-bomba tista’ tagħmel f’Londra, erba’ xhur wara li l-kimika kienet rappurtata nieqsa mill-Universita’ ta’ Mosul.

Fost l-estremisti li heddew lill-Punent fuq l-internet, hemm l-espert Ingliż dwar l-isplussivi, Hamayun Tariq, li ħarab minn daru f’Dudley fil-West Midlands, u mar jgħix fil-Lvant Nofsani fl-2012.

Hu u juża l-isem Musulman, Muslim-al-Britani, hu kiteb fuq Twitter: “….barra minn hekk, l-ISIS għandu bomba interessanti. Sibna xi materjal radju-attiv mill-Universita’ ta’ Mosul”.

Muslim-al-Britani żied: “Issa naraw xi ssarraf din il-bomba u x’danni se toħloq. Se niddiskutu wkoll x’jista’ jseħħ jekk waħda minn dawn il-bomba tisploda f’zona pubblika”.