Lokali

Muscat jikkonferma li żied is-sussidji lil Enemalta b’€14-il miljun għal kważi €40 miljun – il-PN

Bid-dikjarazzjonijiet li għamel il-Prim Ministru ilbieraħ fil-Parliament u l-istqarrija li ħareġ l-Uffiċċju tal-Prim Ministru tard ilbieraħ filgħaxija, il-Gvern ikkonferma li żied is-sussidji lill-Enemalta b’€14-il miljun għal kważi €40 miljun. Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li dan jikonferma dak li qed tgħid l-Oppożizzjoni dwar il-falliment tal-Pjan tal-Enerġija ta’ Muscat, ibbażat fuq tlestija ta’ Power Station ġdida li suppost kellha tibda taħdem bil-gass sa tliet xhur oħra.

Dan il-proġett spiċċa off-track b’mill-anqas sena u tliet xhur u qed ifisser li r-roħs tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma se jitħallas mit-taxxi tal-poplu Malti b’sussidji akbar u dejn akbar mill-Enemalta. Il-PN qal li mhux minnu li teżisti xi Direttiva tal-Unjoni Ewropea li tobbliga lill-Gvern jagħti xi ħlas lill-Enemalta biex iżomm security of supply, kif qal il-Prim Ministru fil-Parlament ilbieraħ filgħaxija.

Id-Direttiva relevanti tagħti s-saħħa lill-Gvern jew lir-Regolatur li jimponi kundizzjonijiet fuq l-operaturi li jkollhom reserve capacity, filwaqt li ma tpoġġi l-ebda obbligu fuq il-Gvern li jħallas għal din ir-riżerva jew l-obbligi u l-arranġamenti li jimponi fuq l-operaturi. Tant mhux minnu dak li qed jgħid il-Prim Ministru li din id-Direttiva ilha fis-seħħ mill-2006 u l-Gvern Malti qatt ma ħallas din l-obbligazzjoni lill-Enemalta, kif ukoll qatt ma nfetħu xi proċeduri kontrieh mill-Unjoni Ewropea għax m’għamilx dan.

Il-PN sostna li din hi biss skuża minn Joseph Muscat biex jaħbi l-falliment finanzjarju fl-Enemalta minħabba l-falliment tal-proġett tal-Power Station il-ġdida tal-gass, li kellha tagħti savings ta’ €187 miljun fis-sena, jiġifieri t-telf ta’ savings sa Ġunju 2016 se jkun ta’ €234 miljun. Muscat, li ma żammx il-kelma tiegħu meta qabel l-elezzjoni ibbaża l-karriera politika tiegħu u wiegħed li jirriżenja jekk il-proġett tal-Power Station ma jitlestiex sa tliet xhur oħra, ma jistax jibqa’ jitwemmen, temmet tgħid l-istqarrija.