MOSTA ………………….. 6
SENGLEA A. ………….… 1
Mosta – K. Gerada, R. Ekani (K. Pulo), T. Farrugia, A. Borg (M. Brincat), I. Grech, K. Zammit, K. Magro, P. Calcado, M. Ribeiro Dos Santos, D. Bueno (Y. Lo), B. Kaljevic.
Senglea A – M. Grech, E. Azzopardi (C. Buttigieg), A. Pulis, B. Zerafa, C. Conti (G. Buttigieg), D. D’Agostino, C. Cuschieri, C. Cassar, C. Dimech (Tim. Thomas), H. Vella, T. Scerri.
Skorjaw – M. Ribeiro Dos Santos 3 min, 67 min, P. Calcado 12 min, 62 min, A. Borg 41 min, B. Kaljevic 58 min, Tim. Thomas 84 min.
Referee – Trustin Farrugia Cann
Mosta kellhom passiġata l-bieraħ kontra Senglea, passiġata li fiha skorjaw ħafna gowls u li bis-saħħa tagħha għaddew ukoll ma’ l-aħħar sittax tal-kompetizzjoni fejn issa jsibu bħala avversarji lil Gżira United.
Bla dubju hemm baħar jaqsam bejn Mosta, tim mill-Kampjonat premier, u Senglea li qegħdin jissieltu għall-promozzjoni fit-Tieni Diviżjoni. Id-differenza fil-livell kien evidenti bi plejers bħal Bojan Kaljevic u Pedro Calcado jispikkaw. Senglea kellhom prova ġeneruża, iżda frankament it-tim ta’ Edgar Degabriele ftit seta’ jagħmel iktar il-bieraħ kontra l-qawwa tal-avversarji Mostin.
Mosta ħadu biss tliet minuti biex fetħu l-iskor u tnax-il minuta biex aċċertaw mill-kwalifikazzjoni meta bnew vantaġġ doppju b’żewġ azzjonijiet verament simili. Wara tliet minuti azzjoni ta’ Kaljevic fuq ix-xellug u kross għan nofs fejn RIBEIRO DOS SANTOS daħal tajjeb u bir-ras mill-viċin għeleb lil Matthew Grech.
Disa’ minuti wara azzjoni kważi identika b’Kaljevic għal darb’ oħra protagonista fuq ix-xellug u kross lejn PEDRO CALCADO li b’xutt mill-ewwel fuq il-ġirja spara fis-saqaf tax-xibka għal gowl verament tajjeb.
Tista’ tgħid li minn hawn ‘l quddiem il-logħba ħadet is-sura ta’ logħba ta’ ħbiberija bil-Mostin ikomplu jattakkaw u jfittxu iktar gowls fejn Calcado resaq qrib l-ewwel meta impenja lil Grech u fit-28 minuta kellu freekick imur ftit għoli.
Wara xi tentattivi oħra, Mosta skorjaw it-tielet gowl fil-41 minuta meta minn azzjoni ta’ korner, qamet taħwida quddiem il-lasta ta’ Senglea u finalment kien ADRIAN BORG li spara l-ballun fix-xibka.
Kif bdiet it-tieni taqsima Mosta viċin ir-raba’ gowl b’daqqa ta’ ras ta’ Kaljevic wara kross preċiż ta’ Bueno. L-ewwel azzjoni ta’ Senglea fil-51 minuta meta terence Scerri minn distanza twila impenja lil Gerada li dawwar għal korner b’diffikulta.
Fit-58 minuta Mosta għamluhom erbgħa b’azzjoni mibdija minn Calcado li qassam lejn BOJAN KALJEVIC li żamm tajjeb u għeleb lil Grech b’xutt b’saħħtu. Erba’ minuti wara wasal ukoll il-ħames gowl mertu kollu ta’ CALCADO li l-ewwel veneven xutt qawwi li kien parzjalment salvat minn Grech u mir-rebound l-istess plejer dar mal-goalkeeper u minn qagħda ferm angolata xeħet fix-xibka.
Is-sitt gowl wasal fil-71 minuta meta RIBEIRO DOS SANTOS għaqqad ukoll id-doppjetta tiegħu meta kompla għal ġewwa minn quddiem Grech li kien għadu kif salva kif seta’ xutt tal-istess plejer Mosti.
Sitt minuti mit-tmiem ftit tal-glorja għal Senglea li kienu ppremjati b’gowl ta’ konsolazzjoni, gowl maħdum tajjeb minn Terence Scerri li qassam lejn is-sostitut TIMMY THOMAS li minn qagħda angolata skorja b’xutt verament tajjeb.